top of page

Il-Ministru Bonnici jżur l-aħħar preparamenti tal-festival MUŻIKA MUŻIKA




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-provi tal-festival MUŻIKA MUŻIKA fl-MFCC, Ta’ Qali, fejn iltaqa’ mal-mużiċisti, mal-kantanti u mal-organizzaturi.


Il-Ministru Bonnici qal li sena wara oħra dan il-festival jibqa’ jkun ta’ suċċess. “Għat-tielet sena, dan il-festival prestiġjuż ser jiċċelebra l-kanzunetta Maltija u lsien twelidna permezz ta’ 20 kanzunetta oriġinali bil-Malti. Kemm hi ħaġa sabiħa li naraw dawn l-artisti u l-organizzaturi mimlijin ħeġġa u entużjażmu. Tassew għandna nħossuna kburin bit-talent tagħna l-Maltin”, qal il-Ministru Bonnici.


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li bħalissa t-tekniċi u l-artisti għaddejjin bl-aħħar preparamenti u provi flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra. “Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex isegwi dan il-festival u jagħti sapport lill-artisti lokali li ser jieħdu sehem b’kanzunetti mill-isbaħ matul l-edizzjoni ta' din is-sena. Kommessi li ser noffru spettaklu mill-isbaħ lit-telespettaturi u lil dawk li ser ikunu magħna fis-sala”, temm jgħid is-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv Annabelle Stivala qalet li l-festival huwa pjattaforma ferm importanti li tiċċelebra l-artist Malti u l-mużika Maltija. “Dan hu festival li huwa għal qalb ħafna Maltin li biex jittella’ hemm bżonn madwar 300 ruħ fosthom tekniċi, artisti, mużiċisti, tim ta’ produzzjoni u oħrajn. Nawgura lill-parteċipanti kollha u nirringrazzja lil kull min b’xi mod jikkontribwixxi għas-suċċess ta’ dan il-festival”.


Mużika Mużika ser jittella’ nhar il-Ħamis 23, il-Ġimgħa 24 u s-Sibt 25 ta’ Marzu fl-MFCC, Ta’ Qali. It-tliet serati tal-festival ser jixxandru live ukoll fuq Television Malta. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti żur muzikamuzika.mt.







Comments


bottom of page