top of page

Il-Ministru Owen Bonnici jindirizza avveniment fi Strażburgu f’għeluq is-70 anniversarju tal-Konvenzjoni Kulturali Ewropea



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, indirizza avveniment fi Strażburgu li ttella’ fl-okkażjoni tas-70 sena mill-Konvenzjoni Kulturali Ewropea.

 

Il-Ministru Bonnici fid-diskors tiegħu saħaq fuq l-importanza tal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa fil-kamp tal-Protezzjoni tal-patrimonju storiku kemm fejn tidħol il-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, li ddeskrivieha bħala żvilupp importanti ferm, u anke fejn jidħlu inizjattivi oħra li twieldu anke bis-saħħa tal-kisba tal-Konvenzjoni.  

 

Dr Bonnici saħaq li l-konvenzjoni kabbret l-għaqda fost fil-ġnus, saħħet il-wirt storiku u assigurat li d-demokrazija Ewropea tkompli timxi ’l quddiem bis-saħħa ta’ skambji kulturali. 

 

“Il-kultura hija l-pont li jgħaqqad il-passat mal-futur u permezz ta’ din il-konvenzjoni bnejna sisien li jġibu flimkien il-kulturi diversi u jgħaqqduna fil-valuri Ewropej,” qal Dr Bonnici. 

 

Huwa fakkar ukoll kif f’Ġunju 2023, Malta ngħaqdet mal-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Rotot Kulturali, liema proġett kien żvilupp fuq il-Konvenzjoni nnifisha.

 

Qal li dan jimmarka kapitlu importanti fl-impenn kontinwu ta’ pajjizna għall-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, filwaqt li nsaħħu r-rabtiet tagħna mal-Ewropa. 

 

Spjega kif dawn se joffru l-pjattaformi ideali biex jippromwovu l-istorja u l-wirt għani ta’ Malta, u jqajmu kuxjenza dwar it-teżori kulturali ta’ gżiritna madwar l-Ewropa u lil hinn.

 

Dr Bonnici qal ukoll illi f’Jannar 2024, Malta ħadet pass importanti ieħor fl-impenn tagħha lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali billi approvat ir-ratifika ta’ tliet konvenzjonijiet tal-UNESCO u UNIDROIT, kif ukoll żewġ protokolli relatati.

 

Dawn il-konvenzjonijiet jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-wirt kulturali fi żminijiet ta’ kunflitt jew terroriżmu u fuq il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi proprjetà kulturali li ġej mill-gwerra, it-terroriżmu transnazzjonali, u l-kriminalità organizzata.

 

Dr Bonnici qal illi s-sena d-diehla, Malta se tilħaq tragward importanti billi se tippresjedi l-Kumitat tal-Ministri, u magħha tiġi opportunità unika biex ikollha rwol ċentrali f’waħda mill-aktar inizjattivi kulturali stmati tal-Ewropa: il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew.

 

Irrefera għall-kisbiet li saru fl-aħħar snin fosthom fl-2020 bl-inklużjoni tal-Ftira, l-arti kulinari u l-kultura tal-ħobż, fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli. 

 

Fl-2021, l-Għana, it-tradizzjoni tal-għanjiet folkloristiċi Maltin, ingħatat ukoll rikonoxximent għar-rwol tagħha fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet orali tagħna, il-wirt mużikali, u l-istejjer tal-poplu Malti. 

 

Fl-2023, il-Festa ta’ Malta ġiet rikonoxxuta għas-sinifikat kulturali tagħha bħala wirt intanġibbli mill-UNESCO.

 

Dr Bonnici qal li Malta qed tħares ukoll b’interess biex tissieħeb lejn il-fond ta’ appoġġ kulturali Eurimages immexxi mill-Kunsill tal-Ewropa hekk kif dan jipprovdi aċċess għal networking effettiv u għotjiet finanzjarji sostanzjali biex tappoġġja koproduzzjonijiet internazzjonali, li jippermettu l-ħolqien ta’ films, dokumentarji, u serje televiżivi li jinvolvu kollaborazzjoni bejn diversi pajjiżi Ewropej.

 

Dr Bonnici sellem ukoll lill-Ukrajna u enfasizza l-ħtieġa li l-gwerra ta’ aggressjoni li r-Russja bdiet illegalment kontra dan il-pajjiż tintemm illum qabel għada.

 



 


 


 

Comments


bottom of page