top of page

Il-Ministru Owen Bonnici jindirizza t-Tieni Laqgħa Ministerjali dwar Azzjoni dwar il-Klima bbażata fuq il-Kultura waqt il-COP29


Malta tappella għall-Adozzjoni ta’ Deċiżjoni Konġunta fuq Kultura u Azzjoni Klimatika

 



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici appella għall-adozzjoni ta’ Deċiżjoni Konġunta fuq Kultura u Azzjoni Klimatika waqt il-konferenza COP29, pass kruċjali li jwassal għal rispons kulturali aktar strutturat matul l-edizzjonijiet li jmiss tal-COP.

 

Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2024, il-COP29, hija d-29 konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li din is-sena qed issir fl-Ażerbajġan. It-tieni Laqgħa Ministerjali ġabet flimkien grupp t’azzjoni internazzjonali magħruf bħala “Group of Friends of Culture-based Climate Action” li Malta hi stat fundatur tiegħu.

 

Il-Ministru Bonnici appella għal sostenn għat-talba għal Workshop Kulturali waqt COP29, li huwa meqjus bħala pass importanti biex tiġi stabbilita Deċiżjoni Konġunta fuq Kultura u Azzjoni Klimatika. Din l-inizjattiva hija kruċjali biex tibni pilastru kulturali għar-rispons klimatiku, li għandu jiġi kkonsolidat fl-adozzjoni ta’ COP31.

 

Il-Ministru Bonnici qal li Malta temmen bis-sħiħ li dan huwa pass indispensabbli biex nassiguraw li l-kultura u l-arti jkunu ċentru tal-isforzi globali kontra t-tibdil fil-klima. Huwa saħaq li kull pajjiż għandu jingħata l-libertà li jaġixxi skont il-ħtiġijiet u r-riżorsi tiegħu, filwaqt li jikkollabora b’mod internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika. “One-size-fits-all approach ma jagħmel ebda ġid għax kull pajjiż għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu,” tenna l-Ministru Bonnici.

 

Il-Ministru enfasizza r-rwol uniku tal-kultura u l-arti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u spjega kif dawn għandhom il-qawwa li jispiraw lin-nies. Huwa semma wkoll kif artisti madwar id-dinja qed jużaw il-kreattività tagħhom biex iqajmu kuxjenza u jippromwovu bidliet sostenibbli.

 

Il-Ministru Bonnici fakkar li l-Ġnus Magħquda stess tgħid li ħafna siti storiċi, speċjalment dawk qrib il-kosta, jinsabu f’riskju ta’ dannu minħabba t-tibdil fil-klima. “It-tibdil fil-klima huwa responsabbiltà kollettiva u urġenti. Irridu nibnu futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 





 


 

 

 

Comments


bottom of page