Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale tal-Arti ta’ Venezja, l-Italja. Il-Padiljun ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti fejn Malta qed tiġi rrappreżentanta mill-artist Matthew Attard u l-proġett innovattiv tiegħu “I Will Follow the Ship”.
L-esebizzjoni ta’ Matthew Attard twaħħad il-wirt kulturali Malti mat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali. Il-ko-kuraturi ta’ “I Will Follow the Ship” huma Elyse Tonna u Sara Dolfi Agostini. Maria Galea u Galleria Michela Rizzo qed jissorveljaw il-maniġment tal-proġett, Vicenzo Casali huwa l-perit konsulent, u Joey Borg qiegħed jieħu ħsieb l-ipprogrammar u l-iżvilupp tas-software tal-proġett.
Il-Ministru Owen Bonnici, f’diskors tal-okkażjoni f’Venezja, fl-Italja, spjega kif La Biennale di Venezia huwa wieħed mill-aktar istituzzjonijiet prestiġjużi internazzjonali fis-settur kulturali għall-preżentazzjoni u l-promozzjoni tal-arti kontemporanja. Huwa qal li wara nuqqas twil ta’ 17-il sena, Malta rritornat għall-Biennale di Venezia fl-2017, kif ukoll fl-2019 u fl-2022.
Huwa rrefera għall-investiment sinifikanti tal-gvern fis-setturi tal-arti u l-kultura ta’ Malta, u spjega li f’dan l-aħħar deċennju, Malta rat tkabbir bla preċedent f’karrieri fis-setturi kulturali u kreattivi, bin-numru tal-individwi li jaħdmu fl-oqsma kreattivi jirduppjaw. Bejn l-2022 u l-2023, il-karrieri f’dan is-settur żdiedu bi 13%. Huwa qal li din hija xejra pożittiva u waħda ta’ inkoraġġiment kbir.
Huwa qal li s-settur tal-arti viżiva miexi ’l quddiem u semma bħala eżempji l-ftuħ tal-MUŻA li sar fl-2018, it-tnedija tal-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art li saret din is-sena u kif ukoll il-ftuħ, li se jsir din is-sena, tal-MICAS. Huwa sostna li dan huwa kollu investiment fl-artisti tagħna u fil-kamp kreattiv.
Il-ministru temm billi rringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Arti li qed iwettaq xogħol kruċjali fil-promozzjoni tal-artisti lokali, kemm f’Malta u lil hinn minn xtutna.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal, “Matthew Attard huwa eżempju ċar ta’ artist żagħżugħ minn pajjiż żgħir li rnexxielu jegħleb il-limiti ġeografiċi. Il-perseveranza, id-determinazzjoni tiegħu biex jirnexxi, il-passjoni tiegħu għall-arti, u t-talent straordinarju tiegħu, wassluh sa Venezja.”
Huwa semma kif it-tema tal-Biennale hija riflessa fil-Padiljun ta’ Malta fejn il-punt tat-tluq kienu l-graffitti tal-vapuri li għalkemm huma mifruxa madwar Malta u huma parti mill-wirt kulturali tagħna, jinsabu wkoll mifruxin f’aktar pajjiżi madwar il-Mediterran. Is-Sur Marshall temm billi rringrazzja lill-ħaddiema tal-Kunsill Malti għall-Arti għall-ħidma tagħhom fl-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta f’Venezja.
L-artist Matthew Attard qal li huwa ta’ unur li jiġi afdat bl-ewwel padiljun solo ta’ Malta f’La Biennale di Venezia. Għal dan il-padiljun huwa esplora l-interazzjoni tal-graffitti tal-vapuri storiċi, it-tpinġija kontemporanja u t-teknoloġija diġitali. Billi jeżamina immaġni storika permezz ta’ tagħmir li jsegwi l-għajnejn bħala għodda ta’ tpinġija, Attard iqanqal riflessjonijiet fuq id-dipendenza kontemporanja fuq it-teknoloġija diġitali.
Il-ko-kuratriċi Elyse Tonna, li hija l-ewwel mara Maltija kuratriċi li qiegħda tifforma parti mill-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja, spjegat li f’“I Will Follow the Ship”, l-immaġni tal-vapur jimmaterjalizza bħala simbolu etern ta’ tama u possibbiltà, li għandu reżonanzi qawwija fid-dinja tal-lum ta’ progress teknoloġiku.
Il-ko-kuratriċi Sara Dolfi Agostini qalet li x-xogħol ta’ Matthew Attard jġib fi ħdan il-Biennale l-lingua franca tal-komunità marittima, fejn jagħmel użu minn immaġni residwi li jappartjenu għal Malta, għal Venezja, u għal kulħadd—bħala mezz ta’ komunikazzjoni mifruxa fost il-fruntieri u l-kulturi tal-ibħra mhux magħrufa tas-soċjetà informatika u l-ekoloġija usa’ tagħha.
La Biennale di Venezia se tkun qed tinżamm bejn l-20 ta’ April u l-24 ta’ Novembru 2024.
Comments