Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici iltaqa’ mal-mużiċisti, kantanti u l-organizzaturi tal-Malta Eurovision Song Contest waqt żjara li għamel fl-MFCC, Ta’ Qali.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-festival jagħti spazju kemm lill-kantanti kif ukoll lill-kompożituri u l-awturi sabiex jesponu t-talenti tagħhom b'kanzunetti oriġinali.
Din is-sena ingħatat opportunità ukoll lil iktar kantanti biex jagħtu l-interpretazzjoni tal-kanzunetta tagħhom fil-pubbliku, bl-introduzzjoni tal-Kwarti tal-Finali.
Huwa kompla jispjega kif il-Malta Eurovision Song Contest jibqa' f'qalb il-Maltin u l-Għawdxin u kull sena jattira udjenzi kbar, kemm fis-sala kif ukoll permezz tax-xandiriet diretti fuq it-televiżjoni u fuq il-mezzi soċjali.
40 kanzunetta oriġinali ġew interpretati mill-kantanti parteċipanti matul tliet programmi mxandra fuq TVM bejn it-13 u s-27 ta' Jannar. Is-semi-finali se jkun imxandar b'mod dirett nhar il-Ħamis 9 ta' Frar fejn 24 kantant u kantanta se jagħtu l-wirja tagħhom fuq il-palk tal-MFCC biex il-ġurija u l-pubbliku jiddeterminaw sittax-il finalist. L-għażla finali li tiddetermina r-rebbieħ tal-Malta Eurovision Song Contest 2023 se ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Frar.
Comments