top of page

Il-Ministru Owen Bonnici jżur wirja f’Abu Dhabi li tinkludi żewġ Cippi li kienu skoperti f'pajjiżna

Il-Ministru Owen Bonnici jżur wirja f’Abu Dhabi li tinkludi żewġ Cippi li kienu skoperti sekli ilu f’pajjiżna




Iż-żewġ Cippi famużi li kienu ġew skoperti f’Malta sekli ilu u li kienu ġew isseparati meta wieħed miċ-Cippi ntbagħat Franza mill-Gran Mastru de Rohan, ingħaqdu mill-ġdid wara 241 sena, permezz ta’ wirja fil-mużew Louvre Abu Dhabi fl-Emirati Għarab Magħquda. Iċ-Cippi jmorru lura sat-tieni seklu qabel Kristu.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-wirja fil-Mużew Louvre f’Abu Dhabi. Huwa qal li minbarra l-valur kbir tagħhom mil-lat estetiku u storiku, dawn iż-żewġ artefatti huma simbolu tad-deċiframent tal-lingwi u tar-relazzjonijiet diplomatiċi.


“Din l-wirja toffri opportunità rari biex wieħed jara dawn l-artefatti mill-qrib u tagħmel l-esperjenza tal-viżitatur aktar affaxxinanti u kompluta,” qal il-Ministru Bonnici.


Mhux magħruf b’ċertezza meta ċ-Cippi ġew skoperti, iżda ssemmew għall-ewwel darba fl-1694 bħala parti mill-kollezzjoni ta’ Ġan Franġisk Abela. Dak iż-żmien, il-lingwa Feniċja kienet għadha ma ġietx deċifrata għal kollox. Kopji tal-iskrizzjonijiet intbagħtu barra minn Malta u minn fost il-bosta studjużi li ħadmu fuqhom, l-Abbati Jean-Jacques Barthélemy mill-Académie des Inscriptions et Belle-Lettres ta’ Pariġi rnexxielu jikxef il-kodiċi tal-lingwa Feniċja fl-1758. Ic-Cippi b’hekk saru magħrufa mad-dinja kollha u, b’turija ta’ rikonoxximent, il-Gran Mastru de Rohan bagħat Cippus minnhom lill-Académie fl-1782. Dan ittieħed fil-Louvre ta’ Pariġi fl-1864. Iċ-Cippus l-ieħor jinżamm fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.


Iż-żewġ mużewijiet silfu ċ-Cippus rispettiv tagħhom biex ikun esebit f’wirja temporanja li qed issir fil-mużew Louvre Abu Dhabi. Din il-wirja qed tittella’ fuq l-inizjattiva tal-Ambaxxata ta’ Malta fl-Emirati Għarab Magħquda, biex tfakkar il-50 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Emirati.














Commentaires


bottom of page