top of page

Il-Presepju Malti se jkun għall-wiri f’Villaġġ tal-Milied fi Vjenna



Wara li kien għall-wiri fil-Pjazza tal-Vatikan fl-2016, fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem fl-2017 u fil-Belt Valletta bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea 2018, il-presepju artistiku Malti issa se jkun għall-wiri fil-Villaġġ tal-Milied tal-Kampus tal-Università ta’ Vjenna. 


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici aċċenna għall-fatt li b’dan il-mod, għal darba oħra qed inwasslu l-kultura tagħna lil hinn minn xtutna. “Din se tkun opportunità oħra kbira biex il-ħila tal-artisti Maltin tintwera f’post ċentrali fejn kull sena mas-600,000 persuna minn Vjenna u eluf oħra ta’ turisti u nies lokali li jżuru dan is-suq tal-Milied, li hu wieħed mill-akbar fl-Awstrija. Dan hu x-xogħol li qed nagħmlu biex inkomplu nsaħħu d-diplomazija kulturali kif ukoll nipprovdu pjattaforma internazzjonali usa’ għall-artisti tagħna.”


Owen Bonnici ħabbar ukoll li waqt l-inawgurazzjoni tal-Presepju Malti, l-ewwel kor nazzjonali ta’ pajjiżna – KorMalta - se jkun qed ikanta għanjiet tradizzjonali tal-Milied.


L-ambjent tal-post ġo Vjenna, kif ukoll it-temp kien jitlob li jkun hemm modifikazzjoni strutturali min dik kif ġie immontat fit-tliet snin ta’ qabel. Għalhekk, se jinżammu ħafna mill-istatwi orġinali li ġew maħluqa u mlibbsa mill-artist Għawdxi Manwel Grech.


Ix-xenarju ċentrali fejn twieled Ġesù Bambin ġie maħluq mill-ġdid u ngħata dehra aktar tipika ta’ presepju Malti. Il-grotta ġiet iddisinjata u manifatturata mis-Sur Jennings Falzon bil-għajnuna tas-sur Norman Hill. Huma ħadmu taħt il-gwida u bis-sehem ta’ uffiċjali mid-Direttorat tal-Kultura mmexxija Emanuel Vella u l-Perit Paul Buhagiar u Herbert Debattista.


Il-presepju Malti se jiġi nawgurat fil-15 ta’ Novembru mill-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Is-Sindku ta’ Vjenna Dr Michael Ludwig mistenni jattendi wkoll. Din l-inizjattiva ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-assistenza u l-għajnuna ta’ Natasha Meli-Daudey, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta fl-Awstrija.




Comentários


bottom of page