Il-proċess Parlamentari li se jwassal għall-approvazzjoni ta’ emendi legali li se jagħtu possibbilità li żgħażagħ ta’ 16 jew 17-il sena jilħqu Sindki jew Viċi-Sindki jekk jingħataw il-fiduċja mill-elettorat mistenni jintemm nhar it-Tnejn li ġej bit-tielet qari tal-abbozz ta’ liġi relattiv. Dan saħquh il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt inizjattiva li ttellgħet b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta’ Malta (KNŻ) f’inizjattiva innovattiva biex tiġi diskussa s-setgħa tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-governanza lokali. Dan l-isforz konġunt għandu l-għan li jipprovdi liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin bi pjattaforma biex jiddiskutu, jedukaw, u jappoġġaw l-impenn ċiviku, it-tmexxija taż-żgħażagħ fil-governanza lokali, u l-importanza tal-Vot 16. Il-qofol ewlieni tal-avveniment kienet id-diskussjoni dwar il-liġi proposta l-ġdida, li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena li jservu bħala Sindki, li timmarka pass sinifikanti fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-governanza lokali.
Il-Ministru Bonnici waqt id-diskors tiegħu stqarr, “It-tħaddim tal-potenzjal tal-ġenerazzjoni żagħżugħa huwa pass progressiv lejn governanza inklużiva. Li nħallu individwi fl-età ta' 16-il sena jsiru Sindki mhux biss jirrikonoxxu l-intelliġenza u l-kapaċità taż-żgħażagħ tal-lum iżda jrawwem ukoll sens ta’ responsabbiltà u impenn ċiviku minn età bikrija. Huwa xhieda tat-twemmin li perspettivi ġodda u ideat innovattivi jistgħu jmexxu bidla pożittiva fil-komunitajiet tagħna.” Huwa qal li l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena bħala Sindki huwa pass kuraġġuż imma li qed isir b’konvinzjoni lejn il-bini ta' futur aktar rappreżentattiv u dinamiku għal-lokalitajiet tagħna. “Ejja niċċelebraw dan it-tragward fl-impenn tagħna għad-demokrazija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ”, qal Dr Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli enfasizzat li l-Gvern għaraf b’mod konsistenti l-importanza tal-opinjonijiet u l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika biex tinħoloq soċjetà aktar demokratika, inklussiva, u vibranti. Zerafa Civelli enfasizzat l-impenn kontinwu biex naħdmu biex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-kontribuzzjonijiet taż-żgħażagħ fis-soċjetà. “L-għan huwa li jiġu pprovduti bl-appoġġ u l-opportunitajiet meħtieġa biex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tiswir tal-komunitajiet fejn joqogħdu u lil hinn minnha,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Marbuta mas-sensiela ta’ avvenimenti li għaddejin bħalissa tal-KNŻ bit-tema ‘Empower Youth Voices’, din il-konferenza sservi bħala komponent b’saħħtu fit-trawwim ta’ kultura ta’ attiviżmu fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. L-għan huwa li titfassal it-triq 'il quddiem għal rappreżentanza msaħħa taż-żgħażagħ fil-governanza lokali, b'enfasi speċifika fuq l-għoti ta' setgħa lill-mexxejja żgħażagħ u l-promozzjoni tal-impenn ċiviku. Il-membru tal-bord tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (YFJ), Rareș Voicu, li kien mistieden għall-konferenza, feraħ lil Malta għal din id-deċiżjoni proattiva bl-enfasi li jiġi implimentat programm komprensiv ta’ edukazzjoni ċivika biex jiġi żgurat li meta joħorġu drittijiet ġodda għaż-żgħażagħ, dawn ikunu verament aċċessibbli għall-benefiċjarji maħsuba tagħhom. Din id-deċiżjoni li tiġi amplifikata r-rappreżentanza taż-żgħażagħ kemm fil-livell lokali kif ukoll nazzjonali mistennija tkun ta’ eżempju pożittiv għal pajjiżi oħra, partikolarment fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-KNŻ Mariah Zammit għan-nom tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta’ Malta estendiet l-gratitudni tiegħu lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għall-appoġġ f’din l-inizjattiva sabiħa. Hija qalet, b’referenza għal-liġi li se tippermetti żgħażagħ taħt it-18 il-sena li jservu bħala Sindki jew Viċi-Sindki. “Permezz ta’ din il-liġi, Malta qed tirrifletti impenn li tkompli trawwem il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fit-tiswir tal-futur ta’ pajjiżna”, saħqet Zammit.
Commentaires