Mill-inqas ħames torrijiet tondi antiki rnexxielhom isalvaw mal-medda taż-żmien fi stat differenti ta’ preservazzjoni fil-gżira ta’ Malta u l-biċċa l-kbira minnhom jinsabu fl-inħawi taż-Żurrieq, tal-Imqabba u ta’ Ħal Safi. Il-funzjoni ta’ dawn it-torrijiet għadha inċerta l-aktar minħabba li mhux ċar jekk dawn inbnewx bħala parti minn sistema difensiva.
Heritage Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, nediet l-esebizzjoni ġdida Ta’ Ġawhar Tower – Gold, Bread and Fire li tiffoka fuq wieħed minn dawn it-torrijiet magħruf bħala ‘Ta’ Ġawhar’ li jinsab fuq medda ta’ art bejn Ħal Safi u Ħal Far.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rrefera għall-istorja estensiva ta’ pajjiżna u qal li “huwa grazzi għal inizjattivi ta’ din is-sura li jkollna l-opportunità li nitgħallmu dwar il-passat tagħna, li sawwar l-identità tagħna bħala poplu. Apparti minn hekk, din l-esebizzjoni ta’ Heritage Malta hi inizjattiva ideali biex niskopru aktar dwar partijiet fl-istorja tagħna li forsi mhumiex daqshekk magħrufa, u qiegħda wkoll tissodisfa l-istrateġija kulturali tagħna b’mod li wirtna huwa aktar aċċessibbli kif ukoll għat-tisħiħ tal-prodott kulturali lokali.”
Fl-1960, it-Torri Ta’ Ġawhar ġie skavat mill-arkeologu magħruf David Trump. Fin-noti tiegħu rrapporta li t-torri tond inbena bi blokok tal-ġebel kbar u kwadri filwaqt li d-dijametru tiegħu kien ta’ madwar 16-il metru. Bosta sinjali ta’ ħruq taw x’jifhem li t-torri nqered meta ħa n-nar f’xi żmien qrib is-sena 300 WK imbagħad safa’ abbandunat.
Il-ftit oġġetti li nstabu fil-post waqt l-iskavi jagħtu l-impressjoni li min kien hemm fit-torri ħarab minnu ħabta u sabta. Dawn l-oġġetti jinkludu misluta żgħira tad-deheb, żewġ bramel ċkejkna tal-bronż imdaħħlin f’xulxin, mannara tal-ħadid, munita tal-bronż, għonq ta’ ġarra bil-marka ta’ min ħadimha, frammenti ta’ platt tat-tip Samjan u oġġett karbonizzat li jidher li hu xi parti minn ħobża.
Din l-esebizzjoni qed tispjega kif saru dawn l-iskavi, x’instab fil-post u x’nafu s’issa dwar il-bidu u t-tmiem ta’ dan is-sit. Dawk li jżuruha se jkunu jistgħu jiskopru wkoll dwar studji ġodda li qed isiru bħalissa minn Heritage Malta biex jinkiseb aktar għarfien dwar dan is-sit u dwar il-potenzjal arkeoloġiku tal-post u tal-oġġetti li nstabu fih.
Din l-esebizzjoni tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt, u se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-28 ta’ Settembru 2019. Id-dħul hu bla ħlas.
Comments