Owen Bonnici ( Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali )
Illum jaħbat proprju il-jum tal-Milied. Dan il-jum tal-Milied hu kkaratterizzat minn atmosfera sabiħa u ċelebrazzjonijiet soċjali, fejn għal diversi nies din hija waħda mill-isbaħ ġranet tas-sena.
Imma mhux għal kulħadd hekk. Hawn min għalih din il-ġurnata tfisser li jħossu waħdu aktar minn ġranet oħra. Nieħu gost ħafna jekk bil-ħidma li wettaqna fl-aħħar xhur fis-settur kulturali u bis-saħħa ta’ dak li ġie provdut, min normalment iħossu waħdu f’dawn iż-żminijiet tant sbieħ, isib fil-kultura dar sabiħa li tagħtih sodisfazzjon u kuntentizza.
Lil kull min, għal diversi raġunijiet, iħossu waħdu fi żmien il-Milied, niddedika l-ħidma li wettaqna lilu u lilha. Bħala Ministeru tal-Kultura nedejna diversi inizjattivi biex dawn iż-żminijiet ikunu memorabbli kemm jista’ jkun, waqt li nissalvagwardaw ukoll tradizzjonijiet sbieħ marbuta mal-Milied.
Ħabbarna programm varjat ta’ attivitajiet tal-Milied li se jittella’ fil-Belt Valletta beda. Dan il-programm beda mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2022 bl-isem ta’ “Christmas in the Capital”. Aħna ppjanajna li nagħmlu madwar 25 avveniment f’25 jum.
Din kienet opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied. Il-Belt Kapitali tagħna, għalkemm fiżikament waħda mill-iżgħar bliet kapitali fl-Ewropa, hija l-post perfett għal ċelebrazzjonijiet bħal dawn.
Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura fil-ġeneri diversi tagħha u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti. Dan il-Gvern hu kommess li nkomplu nkabbru l-attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u f’diversi postijiet f’pajjiżna.
Dan il-Milied ilqajna lill-familji lura fil-Belt Valletta b’attivitajiet u b’attrazzjonijiet fuq medda ta’ xahar. Stajna naraw baned fit-toroq u street walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn numru ta’ gruppi popolari li jinkludu The New Victorians, MARA, Centrestage, Klinsmann, Tikka Banda, Big Friends Guggen Musik u Sterjotipi fost oħrajn.
Fil-Belt stajna naraw is-siġra tal-Milied armata fit-toroq u fil-pjazez ewlenin, presepji f’diversi partijiet tal-Belt u dwal li jakkumpanjaw dawn il-jiem. Ta’ min isemmi wkoll id-dilettanti f’pajjiżna tal-presepji. Dawn il-presepisti jagħmlu xogħol kbir, li jeħtieġ jiġi valorizzat.
Hawn m’iniex qed nirreferi biss għall-wirjiet kollettivi tal-presepji li jsiru, imma anke fejn jidħlu l-presepji fid-djar fejn dak li jkun jiftaħ il-bibien ta’ daru biex min irid jidħol u jżur il-presepji.
Nirringrazzja minn qalbi lill-presepisti tagħna u lid-Direttorat tal-Kultura tax-xogħol li wettqu fl-aħħar xhur li m’għandix dubju se jinżel tajjeb ħafna ma’ kull min iħobb l-aspetti tradizzjonali tal-kultura.
Issa li l-ġranet tal-Milied ġew fi tmiemhom, nagħtu bidu għall-ġranet li se jwassluna għall-bidu ta’ sena ġdida. Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din is-sena se jkunu qed jirritornaw ukoll fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fl-10:00pm u jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin tas-sena l-ġdida.
Dan il-programm ma fihx biss varjetà mużikali iżda ser joffri l-opportunità lil diversi artisti biex juru t-talenti tagħhom fuq pjattaforma daqshekk kbira.
Kemm hu sabiħ li tara lill-poplu Malti u Għawdxi jgawdi flimkien dan l-avveniment li hu tant għal qalb in-nies! Ninsab ħerqan li nerġa’ nara din il-pjazza mimlija ħajja, briju u mużika sabiex flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida.
Il-poplu Malti u Għawdxi se jkun jista’ jsegwi t-trażmissjoni diretta taċ-ċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali minn ġewwa djaru, għas-sena l-ġdida bi prestazzjoni uptempo speċjali ta’ fużjoni bejn muzika orkestrali u elettronika b’mashup tal-aqwa mużika tal-ġeneru dance tal-2022, flimkien ma’ effetti speċjali fuq il-palk u logħob tan-nar sabiex tingħata merħba mill-isbaħ lis-sena l-ġdida.
Inizjattiva li ma stajtx ma nsemmix u żgur se tkun qed tgħin u tferraħ ħafna tfal hi “Agħti Rigal B’Imħabba”, ispirata minn mart u bint il-Prim Ministru Robert Abela – Dr Lydia Abela u ċ-ċkejkna Georgia Mae. Din l-inizjattiva rat li jiġu ppakkjati mijiet ta’ rigali, b’dawn ir-rigali li mbagħad jiġu mqassma lil tfal li forsi jgħixu f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk li għandhom tfal oħra.
Naturalment irrid insellem lit-tfal kollha speċjalment dawk ċkejknin. Min jaf illum, kemm intom eċċitati tiftħu r-rigali ... xi ġmiel hux vera. Awguri lil kull tifel u tifla li jħobbu b’tant saħħa l-Milied.
L-aħħar kelma hija dik ta’ kuraġġ lill-komunità Ukrena li tinsab fostna li din is-sena se tgħaddi minn martirju u qsim il-qalb hekk kif qed issegwi x’qed jiġri f’pajjiżha tort il-gwerra insensata li għażel li jibda Putin. Il-Milied għall-Ukreni din is-sena se jkun wieħed iswed u doloruż. Nagħmlilhom kuraġġ u persważ li jafu li aħna l-Maltin qed ngħinu kemm nistgħu lil dawk li jinsabu fostna.
U fuq kollox nixtieq lilkom u lill-familji kollha tagħkom u lill-għeżież tagħkom, lill-Editur u lill-ħaddiema ta’ din il-gazzetta Milied hieni u sena ġdida, mimlija barka, sliem, u fuq kollox saħħa.
Comments