F’ċerimonja organizzata mill-Kunsill Malti għall-Arti fit-Teatru Manoel, ġew imħabbra r-rebbieħa tal-Premju għall-Arti ta’ din is-sena.
Il-Premju għall-Arti huwa ċelebrazzjoni tal-kisbiet maġġuri tas-setturi kulturali u kreattivi Maltin, fejn jippremja l-eċċellenza fil-qasam tal-kultura u l-arti, filwaqt li jinkoraġġixxi aktar professjonaliżmu u distinzjoni fis-settur.
Din hija s-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti u għall-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva 150 nominazzjoni eliġibbli. Għal kull kategorija, intgħażlu 5 finalisti li minnhon ġie mħabbar rebbieħ matul is-serata tal-għoti tal-premjijiet.
Din l-edizzjoni tal-Premju għall-Arti kellha 17-il premju, li minnhom 14 huma kompetittivi, u 3 onorarji. Din l-edizzjoni rat ukoll parteċipazzjoni ikbar mill-udjenza, fejn huma kkontribwew 25% tal-vot għal 4 kategoriji, cioè l-Aqwa xogħol għal Tfal u Żgħażagħ, l-Aqwa Proġett fil-Komunità, l-Aqwa Kisbiet Internazzjonali, u l-Aqwa Intrapriża Kreattiva u Innovattiva. Madwar 3,500 vot pubbliku ġew imressqa f’din l-edizzjoni.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal “Din is-serata tkompli tibni fuq l-importanza tas-settur kulturali u kreattiv, settur li huwa multi dimensjonali, kif ġie muri biċ-ċar illum.” Huwa semma d-diversi aspetti tas-settur, li huma riflessi fl-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti kif ukoll fid-diversi premjijiet li ġew mogħtija, inkluż il-kreattività, l-innovazzjoni, il-komunitajiet, l-edukazzjoni, l-iżvilupp, u l-internazzjonalizzazzjoni.
Albert Marshall, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, awgura lil dawk kollha nominati u rringrazzjahom talli huma parti integrali mis-settur. “Permezz tal-ħidma tal-Kunsill qed inkomplu fit-tisħiħ tal-istatus tal-artisti u l-prattikanti kulturali, u tas-settur innifsu, u kommessi li nkomplu nsaħħu dan is-settur sabiex ikompli joħloq u jiffjorixxi.”
Ir-rebbieħa tas-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti huma:
L-aqwa xogħol għal tfal u żgħażagħ
Shakeshorts - Chris Dingli
L-aqwa proġett fil-komunità
(B’)Saħħtek - MCAST
L-aqwa programm jew staġun artistiku 2021-2022
L-istaġun ta’ Teatru Malta - Teatru Malta
L-aqwa programm jew staġun artistiku 2022-2023
Il-Programm ta’ Spazju Kreattiv - Spazju Kreattiv
L-aqwa produzzjoni - Teatru
It-Teatru tal-Miskin - Saydon Studio
L-aqwa produzzjoni - Żfin
Frida - My Two Accidents - Moveo Dance Company
L-aqwa produzzjoni - Arti Viżiva
Spaces in Suspension - Joseph Smith and Therese Debono
L-aqwa produzzjoni - Multidixxiplinarja
Decadence, Now - City of Art
L-aqwa produzzjoni - Mużika
Nomad - William Smith
L-aqwa intrapriża kreattiva u innovattiva
Moveo Dance Company
Premju għall-prattikant kreattiv żagħżugħ/a
Ann-Marie Buckle
Premju għall-prattikant kreattiv
Luke Saydon
L-aqwa kisbiet internazzjonali
Urban Fabric - Open Square Collective
Premju għat-tisħiħ artistiku nazzjonali
Il-Qfil u l-Ħelsien Skont Manwel Dimech - Teatru Malta
Unur għall-karriera artistika
Doreen Galea
Unur għall-promuturi kulturali
Dame Janatha Stubbs
Unur għall-wirt artistiku
Ħaġar
Comentarios