Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 11 ta’ Marzu 2023) paġna numru 7.
Għal din is-sena l-investiment se jlaħħaq in-nofs miljun ewro…
Tliet skemi ta’ finanzjament immirati speċifikament għall-festi Maltin ġew imħabbra lbieraħ mill-Ministru għall-Arti, il-Wirt Nazzjonali u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. B’total ta’ investiment li laħħaq in-nofs miljun ewro, dawn l-iskemi huma l-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar, l-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi u l-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda.
“Inizzjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mit-tisħiħ tat-tradizzjonijiet lokali tagħna għax b’hekk inkomplu ntejbu l-aċċessibbiltà fis-settur u nofs miljun ewro juru tassew kemm bħala Gvern nemmnu li rridu nkomplu ninvestu fil-festi li tant huma għall-qalbna.” Hekk sostna l-Ministru Bonnici f’kumment li ta lil L-ORIZZONT fejn żied jispjega li ħafna żgħażagħ u tfal ikollhom l-ewwel esperjenza tagħhom tal-arti u l-kultura proprju permezz tal-festi.
Filwaqt li faħħar dawn il-programmi “għax juru l-importanza tal-isfumaturi tal-kultura lokali”, il-Ministru Bonnici sostna li b’hekk qegħdin nibnu fuq il-passat u ninvestu lejn il-futur tat-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin.
B’dawn il-proġetti pajjiżna qed jiżgura wkoll li jintefa’ dawl fuq u tkun issostanzjata l-importanza li l-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-festa għandhom fil-komunitajiet tagħna.
Appoġġ għal inizjattivi proposti mill-każini tal-banda
L-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda ġiet imnedija għall-ewwel darba fl-2018 u hija mmaniġġjata f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Din hija l-ħames edizzjoni ta’ dan il-fond, b’total ta’ €160,000 disponibbli għall-2023. Dan se jipprovdi massimu ta’ €6,750 għall-organizzazzjonijiet volontarji li japplikaw taħt Kategorija A u €10,800 għall-orgranizzazzjonijiet volontarji li japplikaw taħt Kategorija B.
Dan il-fond għandu l-għan li jappoġġja numru ta’ inizjattivi proposti mill-każini tal-banda, speċjalment għall-fatt li dawn għandhom rwol vitali fil-komunitajiet u jservu bħal wieħed mill-punti ta’ dħul primarji għad-dinja tal-arti.
Fir-rigward, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li, “il-viżjoni tal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti hija li jkollna l-arti fil-qalba tal-futur tal-pajjiż waqt li nkomplu ninvestu u nkattru diversità ta’ espressjoni artistika u kulturali biex inkomplu nsaħħu l-ekoloġija kreattiva u kulturali tal-pajjiż tagħna. Tali inizjattivi, bħal dawk li qed insemmu llum għandhom rwol vitali fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet waqt li nkomplu nistinkaw għal aktar professjonalizzazzjoni fis-settur”.
Ambjent aktar sigur għall-kmamar tan-nar
L-2018 kien ra wkoll it-tnedija għall-ewwel darba tal-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar, li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kmamar tan-nar li joperaw fuq bażi volontarja, b’ħafna pirotekniċi ta’ kull età jaħdmu sigħat sħaħ għall-festi tradizzjonali tant maħbuba lokalment.
L-għan ta’ dan il-fond huwa li jiffaċilità l-investiment biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ dawn il-kmamar tan-nar ħalli l-volontiera jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar sigur. Is-sitt edizzjoni ta’ dan il-fond għandha allokazzjoni ta’ €170,000 u se tipprovdi ammont massimu ta’ €5,000 lill-kmamar tan-nar li japplikaw. Is-sejħa se tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ Marzu 2023, sa nofsinhar.
L-assoċjazzjonijiet tat-tiżjin tal-festi, dawk kulturali u soċjali
L-aktar skema riċenti fejn jidħol il-wirt artistiku hija dik tal-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi. Imnedija fl-2020, l-iskema tirrikonoxxi l-importanza tal-assoċjazzjonijiet tat-tiżjin tal-festi, assoċjazzjonijiet kulturali u assoċjazzjonijiet soċjali li jaħdmu b’mod volontarju biex iħaddnu, jipproteġu u jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna.
Għal din ir-raba’ edizzjoni l-fond għandu baġit ta’ €140,000 u jipprovdi sa massimu ta’ €10,000 għal kull organizzazzjoni volontarja li tapplika.
Il-Ministru Owen Bonnici temm jgħid li, “bi programmi bħal dawn ngħinu biex niżguraw li nitfgħu dawl fuq l-impenn importanti tar-rwol komunitarju. Hekk se nibqgħu nħarsu prattiċi tradizzjonali li jikkumplimentaw il-festa Maltija u nkomplu nissalvagwardjaw il-wirt kulturali intangibbli tagħna”.
Dawn l-iskemi huma mmaniġġjati mill-Kunsill Malti għall-Arti, bl-aħħar waħda mmexxija b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Comments