F’attività li mmarkat sena mit-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ġie ppreżentat bil-pubblikazzjoni ‘Insaħħu l-Ilsien Nazzjonali Tagħna’ mill-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru, Norma Saliba. Din il-pubblikazzjoni tiġbor fiha dak li ġie diskuss fil-Forum Nazzjonali dwar l-llsien Malti li sar aktar kmieni din is-sena, inkluż l-istħarriġ nazzjonali kkummissjonat miċ-ċentru u li sar minn Dott. Vincent Marmarà dwar il-qagħda tal-lingwa Maltija.
Matul l-istess attività ġew ukoll iffirmati ftehimiet għal aktar kollaborazzjoni ma’ dawn l-entitajiet: Il-Kunsill Malti għall-Arti; l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA); id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI), l-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità; Xjenza Malta u San Vinċenz De Paul.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li sa mit-twaqqif tiegħu, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti ħadem b’mod effettiv sabiex iħares u jippromwovi l-ilsien nazzjonali tagħna. Huwa tenna li ċ-ċentru għandu rwol importanti ħafna fil-konservazzjoni tal-lingwa Maltija, billi jiżgura li l-lingwa tagħna tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra mingħajr ma titlef il-karatteristiċi uniku tagħha.
“Permezz tal-ħidma tiegħu, iċ-ċentru jassigura li l-ilsien tagħna mhux biss jinżamm ħaj iżda wkoll jitkattar u jiġi apprezzat aktar fil-kuntest kulturali u edukattiv. Iċ-ċentru qed jaħdem ukoll fuq l-iżvilupp ta’ riżorsi lingwistiċi u l-promozzjoni ta’ studji u riċerka dwar il-lingwa,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv Norma Saliba spjegat li ċ-ċentru qed jikkollabora ma’ bosta entitajiet pubbliċi u privati sabiex jinħolqu inizjattivi u proġetti għall-użu korrett tal-ilsien Malti f’materjal stampat u awdjoviżiv, avviżi, tabelli u sinjali f’entitajiet pubbliċi; it-tagħlim tal-Malti lill-ħaddiema barranin; il-ħolqien ta’ korpus għall-iżvilupp ta’ għodod diġitali lingwistiċi bil-Malti; u l-promozzjoni tal-Malti f’attivitajiet kulturali.
Hija qalet li r-rwol taċ-ċentru mhux li jitħares il-preżent, iżda li tiġi xprunata l-bidla fil-ħsieb, fil-mentalità u fil-kultura tagħna. Hija saħqet li l-Malti għandu jibqa’ prijorità inkluż fil-mod kif wieħed jikkomunika maċ-ċittadin u d-dokumenti uffiċjali li jiġu ppubblikati.
Ġie spjegat ukoll li ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti se jkun qed jaħdem fuq kampanja nazzjonali mat-tfal, il-ġenituri u l-edukaturi dwar it-tagħlim u l-użu tal-Malti; ħidma fuq l-importanza tal-korsijiet tal-Malti għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, fost il-ħaddiema barranin; kif ukoll materjal bil-Malti għad-dijaspora u appoġġ lix-xandara biex jintuża Malti korrett fuq it-TV, radju u l-mezzi online.
Iċ-ċentru qed jappoġġja wkoll numru ta’ inizjattivi u proġetti biex il-Malti jibqa’ ħaj, fosthom, ix-xandir tas-sensiela popolari mat-tfal, Peppa Pig bil-Malti minn Ottubru li ġej; kif ukoll it-tnedija ta’ Vajnil, kunċert bil-Malti, li se jservi ta’ pjattaforma lill-aspetti kulturali oħrajn Maltin, fosthom il-poeti Maltin.
Comments