Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda esibizzjoni artistika “Transcending the Material: Anthony Spagnol Retrospective”, li tiċċelebra aktar minn tliet deċennji ta’ esplorazzjoni artistika minn wieħed mill-aktar artisti kontemporanji ta’ Malta, Anthony Spagnol.
Ikkurata minn Jessica Muscat, din il-wirja retrospettiva hija miftuħa mit-Tlieta, 3 ta’ Diċembru 2024 sat-8 ta’ Jannar 2025 u tinsab fil-Palazz tal-Gran Mastru. Din tittratta l-evoluzzjoni ta’ Spagnol mill-arti figurattiva għall-arti astratta u turi l-kapaċità unika tiegħu li jgħaqqad l-oqsma materjali u spiritwali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ din l-esibizzjoni bħala ċelebrazzjoni tal-kreattività u l-kontribuzzjoni ta’ Anthony Spagnol għall-pajsaġġ kulturali Malti. “Din il-wirja retrospettiva mhux biss tgħaqqad aktar minn tliet deċennji ta’ xogħol innovattiv, iżda wkoll turi kif l-arti tista’ tkun pont bejn dak li hu materjali u spiritwali. Anthony Spagnol artist kbir fil-qasam tal-arti kontemporanja Maltija, u din l-esibizzjoni tfakkarna fil-qawwa tal-arti biex tispira u tiftaħ orizzonti ġodda.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone, saħqet li: “Ir-retrospettiva ta’ Anthony Spagnol tippermetti lil dawk li jżuruha biex jiġu f’kuntatt kemm ma’ dak li ma jintqalx kif ukoll ma’ dak li ftit li xejn jiġi diskuss. Dan il-proċess jgħin biex jiġi kkultivat għarfien storiku li mhux biss jagħmel il-passat rilevanti għaż-żmien tal-lum, iżda wkoll jawtentika u jarrikkixxi r-relazzjoni tal-bniedem maż-żewġ aspetti.”
Il-kuratur Jessica Muscat qalet li, “Il-vjaġġ ta’ Spagnol mir-realiżmu għall-astratt ma jittrattax biss dwar evoluzzjoni stilistika iżda qawmien profond li jirrifletti traxxendenza tal-materjal spiritwali. Permezz tal-użu preċiż tal-forma u l-kulur, Spagnol jistedinna biex nanalizzaw dak li ma jidhirx, u nsawru djalogu bejn l-arti, l-eżistenza u l-metafiżika.”
Ix-xogħol ta’ Spagnol jirrifletti vjaġġ ta’ introspezzjoni u innovazzjoni, ispirat mill-movimenti artistiċi postmodernisti Maltin u l-karriera tiegħu bħala konservatur. Xogħlijiet bikrija bħal The New Power Station (1992) u Wires in Mikiel Anton Vassalli Street (1993) jittrattaw tħassib dwar l-ambjent u s-soċjetà permezz ta’ xbihat figurattivi. B’kuntrast, ix-xogħlijiet astratti tiegħu li huma wkoll aktar riċenti, fosthom Transubstantiation (2005) u The Stations of the Cross (2011–2013), jistiednu lil min iżur l-esibizzjoni fi spazji meditattivi li jevokaw l-essenza intanġibbli tal-ispiritwalità.
L-esibizzjoni tinkludi xogħlijiet ispirati mill-impenn ta’ Spagnol mal-letteratura, il-mużika, u r-riflessjonijiet profondi tiegħu dwar il-fidi u l-mortalità. Ir-retrospettiva tenfasizza l-kontribuzzjonijiet sinifikanti tiegħu għall-arti Maltija u d-djalogu kontinwu tiegħu ma’ temi universali ta’ eżistenza, trasformazzjoni, u spiritwalità.
Transcending the Material – Anthony Spagnol Retrospective hija miftuħa kuljum mit-3 ta’ Diċembru 2024 sat-8 ta’ Jannar 2025 fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, bejn id-9.00 a.m. u l-5.00 p.m. Dħul b’xejn minn Triq il-Merkanti.
Għal aktar dettalji, żur il-website jew il-paġna ta’ facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
コメント