top of page

Imnedija l-ewwel Strateġija Kontra r-Razziżmu f’Malta




Illum tnediet għall-ewwel darba f’Malta l-iStrateġija Kontra r-Razziżmu li hu l-ewwel pjan t’azzjoni Nazzjonali kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza.

Għal din l-okkażjoni, il-Ministeru għall-Ugwaljanza, r-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ikkollaboraw mat-tim Manchester United li jaħdmu ħafna biex titqajjem kuxjenza kontra r-razziżmu fil-kamp sportiv. Il-leġġenda tal-futbol Dwight Yorke, li kien preżenti għat-tnedija fl-Istadium Nazzjonali ta' Ta' Qali, ta s-sapport tiegħu għal din il-ħidma li qed jagħmel pajjiżna kontra r-razziżmu.

Dwight Yorke, li rebaħ l-aqwa unuri fil-kamp kalċistiku u lagħab fl-ogħla livelli, qal li jinsab tassew kuntent li Malta qegħda wkoll tqum kontra r-razziżmu. Huwa saħaq li t-tim tal-Manchester United kien minn dejjem iffurmat minn plejers ta’ etniċitajiet diversi u dan kien kruċjali għas-suċċess tat-tim. Min-naħa tagħha l-futboler Maltija Maya Lucia, li kienet ukoll preżenti għat-tnedija, sostniet li anke’ hi stess ġieli ffaċċjat ir-razziżmu u mhux biss fil-futbol u wriet is-sodisfazzjon tagħha li issa tista’ tkun vuċi għal din l-istrateġija kontra r-razziżmu.

Preżenti wkoll għat-tnedija kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli u rappreżentant tad-Direttorat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Alex Tortell li lkoll taw is-sapport tagħhom lil din il-ħidma.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici qal: “Din l-iStrateġija hija mifruxa fuq is-soċjeta kollha kemm hi, u tinvolvi stakeholders fuq kull livell. Għandna miżuri mmirati għall-Gvern, għall-imsieħba soċjali, riċerka, taħriġ, partiti politiċi, is-soċjeta ċivili, ġbir ta’ dejta, u oħrajn. Iżda hemm miżura waħda li rrid nemfasizza llum li hija li l-ġlieda kontra r-razziżmu trid tasal għand iċ-ċittadini fl-ibliet u l-irħula tagħhom. Avvenimenti koroh li ġraw fl-aħħar snin u fl-aħħar jiem juru li dan huwa kruċjali. Huwa essenzjali li l-istrateġija titħaddem fl-istituzzjonijiet, iżda wkoll miċ-ċittadini,” saħaq il-Ministru Bonnici.

Huwa spjega li din l-iStrateġija mhix dokument dwar l-immigrazzjoni, għalkemm ovvjament tindirizza wkoll id-diskriminazzjoni razzjali kontra persuni li jkunu immigranti. “Is-soċjeta Maltija,” qal il-Ministru Bonnici, “illum hija tant diversa, li anke fil-familji tagħna għandna persuni ġejjin minn kull razza jew etniċita, twemmin jew nuqqas ta’ twemmin u orjentazzjoni sesswali fost oħrajn.”

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, "Din l-istrateġija hija sforz konġunt biex tkompli tinbena koalizzjoni b'saħħitha kontra l-mibegħda u r-razziżmu. Il-fatt li l-leġġenda tal-Manchester United, Dwight Yorke ġie bħala ambaxxatur ta' din l-istrateġija turi s-setgħa tal-isport li jippromwovi l-prinċipji tal-ugwaljanza u r-rispett fost is-soċjetà, speċjalment fil-ġenerazzjonijiet iżgħar. Ċertament nemmen li t-tfal jistgħu jkunu l-ambaxxaturi ewlenin ta' Malta anti-razzista u l-ftehim ta' sħubija ta' destinazzjoni globali li Malta għandha ma' Manchester United se jkun ta' għajnuna kbira biex din l-istrateġija titmexxa 'l quddiem lejn suċċess."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li mhux biżżejjed li ngħidu li m’aħniex razzisti, iżda minflok għandna nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna u nsiru attivi kontra r-razziżmu. Dan ifisser li meta niltaqgħu ma’ episodji ta’ razziżmu għandna nikkonfrontawhom. Hija saħqet, “Għandna ngħixu r-razziżmu, daqs li kieku kien attakk fuqna stess.”

Min-naħa tiegħu s-Sur Alexander Tortell qal li, "l-Istrateġija Kontra r-Razziżmu li qed inniedu hija dokument politiku komprensiv, li għandu l-għan li jikkonfronta u jelimina r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu, individwali, sistemiċi u soċjetali u li jistimula u jappoġġa l-inklużjoni interkulturali. Permezz tat-22 miżura tiegħu, jagħmel il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni kemm responsabbilta’ individwali kif ukoll tas-setturi kollha tas-soċjetà: il-Gvern u s-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet demokratiċi u politiċi, il-midja, iżda wkoll is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni ġenerali. Din il-politika hija konformi mal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025."

Matul it-tieni parti tal-avveniment, numru ta' tfal Maltin fin-nursery ta' Birżebbuga Windmills kellhom l-opportunità li jkollhom sessjoni ta' taħriġ ma' Dwight Yorke innifsu, fil-preżenza tal-Kap tal-Iskejjel tal-Futbol ta' Manchester United, Mike Neary fil-kumpless tal-Futbol f'Birżebbuga.

Link għad-dokument tal-Istrateġija Kontra r-Razziżmu - https://we.tl/t-SsX3IMdkQ6




Comments


bottom of page