Imnedija l-iskema ‘TagħnaTfal’ biex jiġi pprovdut servizz ta’ childminding għat-tfal tal-membri tal-Kunsilli
- Owen Bonnici Team
- Mar 6
- 2 min read

F’Jum il-Mara, ġiet imnedija skema li permezz tagħha se toffri għajnuna finanzjarja biex jiġi pprovdut servizz ta’ childminding għat-tfal tal-membri tal-kunsill waqt il-laqgħat statutorji tal-Kunsilli Lokali. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-membri kollha tal-Kunsill biex jibbilanċjaw aħjar ir-responsabbiltajiet familjari u l-impenji uffiċjali, filwaqt li se tinkoraġġixxi parteċipazzjoni ugwali fl-amministrazzjoni lokali.
Din l-inizjattiva tħabbret mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, waqt diskussjoni mal-Kunsilliera nisa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, li kienet indirizzata wkoll minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Ġie spjegat li s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali flimkien mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, qed iniedu din l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja, li se tkun miftuħa għall-Kunsilli Lokali, Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, biex ikun jista’ jiġi pprovdut servizz ta’ childminding waqt il-laqgħat. Dan se jwassal sabiex il-governanza lokali ssir aktar innovattiva u inklussiva, billi jiġu msaħħa l-opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunitajiet tagħhom, b’anqas piż fuq il-ħtiġijiet personali u tal-familja tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li din il-miżura nibtet mill-fatt li ġenituri u kustodji jiffaċċjaw ċerti sfidi biex jibbilanċjaw il-ħajja professjonali u dik tal-familja tagħhom. Hija semmiet kif f’dawn l-aħħar snin ġew introdotti diversi miżuri sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati u jgħinu lill-ġenituri u kustodji jsibu bilanċ, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. “L-inizjattiva li qed inħabbru llum hi waħda minn dawk id-diversi miżuri li se jgħinu lill-ġenituri u kustodji jegħlbu l-kunflitt bejn ir-responsabbiltajiet domestiċi u dawk professjonali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-mira tal-Gvern hi li jkun hemm parteċipazzjoni ikbar tal-mara fid-dinja tax-xogħol, fil-ħajja pubblika u f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Kompla li diġà ttieħdu diversi miżuri li għamlu d-differenza, iżda l-ħidma trid tkompli għaddejja. “L-ammont ta’ Kunsilliera nisa fil-bidu ta' din il-leġiżlatura tal-Kunsilli Lokali meta mqabbel mal-leġiżlatura tal-Kunsilli Lokali li għaddiet, dan żdied b’5%, ċifra li timliena b’kuraġġ għaliex turi titjib fir-rappreżentanza tal-ġeneru, madanakollu fadal aktar xi jsir. Il-ġlieda għall-ugwaljanza u r-rappreżentanza ġusta mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali għaliex id-deċiżjonijiet ikunu aħjar meta l-perspettivi jkunu diversi u jirriflettu tassew is-soċjetà kollha kemm hi,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Dr Lydia Abela fl-intervent tagħha sostniet li din l-inizjattiva hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba sabiex ikomplu jinċentivaw aktar persuni, inkluż nisa, biex jikkontribwixxu fil-lokalitajiet tagħna. “Inizjattivi bħal din li tħabbret illum jimlewna b’kuraġġ li nistgħu nagħmlu aktar u tajjeb li nibdew fuq livell lokali għaliex intom il-Kunsilliera ħaqqkom kull appoġġ għaliex għażiltu li taħdmu għall-komunità,” stqarret Dr Abela filwaqt li rringrazzjat lill-Kunsilliera kollha għall-ħidma tagħhom sabiex joffru l-aqwa servizz liċ-ċittadini u biex ikollna l-postijiet fejn ngħixu isbaħ u aktar inklussivi.
Comments