top of page

Imnedija t-tielet edizzjoni ta’ ‘Il-Premju għall-Arti’



Il-Premju għall-Arti, inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jirritorna għat-tielet edizzjoni tiegħu. Il-premju se jkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, u se jkun qiegħed jiċċelebra xogħol eċċellenti u li jkun ta kontribut għat-titjib tas-setturi kreattivi u kulturali ta’ Malta li ttella’ matul l-istaġun kreattiv tal-2018/2019.


Il-President George Vella tkellem fuq is-sinifikat ta’ Il-Premju għall-Arti li jqanqal sensittività lejn dak kollu li hu meqjus artistiku. Kompla billi qal li inizjattiva bħal din hija “rikonoxximent miċ-ċittadin” lejn kull oġġett li jista’ jitqies bħala artistiku u għalhekk jiġi innominat għal dan il-premju.


Il-President Vella kompla billi rrefera għall-element ta’ demokratizzazzjoni tal-arti, u kif mill-mod ta’ kif il-poplu jivvota, wieħed jista’ jqabbel kemm il-poplu Malti hu miexi ’l quddiem fl-apprezzament tal-arti. Il-President temm id-diskors tiegħu billi awgura lill-organizzaturi, u kull min hu involut, u wera l-apprezzament tiegħu lejn dawn it-tip ta’ inizjattivi.


Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, enfasizza l-importanza ta’ Il-Premju għall-Arti għas-setturi kulturali u kreattivi, minħabba r-rikonoxximent li jagħti lill-aktar proġetti, produzzjonijiet, prattiċi artistiċi u metodoloġiji li jispikkaw. Bħala gvern, aħna naħdmu lejn it-tisħiħ tax-xena kulturali f’pajjiżna, u grazzi għal din l-inizjattiva li issa qiegħda fit-tielet sena tagħha, qegħdin nippremjaw l-eċċellenza fis-settur kulturali u artistiku, filwaqt li nkomplu ninkoraġixxu l-professjonalità u d-distinzjoni fi ħdan is-settur,” stqarr il-Ministru Bonnici.


Il-Premju għall-Arti din is-sena għandu dehra friska u ġdida, u matul is-serata tal-premji r-rebbieħa se jiġu ppreżentati bi trofew prestiġjuż u b’disinn ġdid tal-Kunsill Malti għall-Arti, li ġie maħluq u żviluppat mill-artist Kane Calì.


Din is-sena l-premju se jiffoka aktar fuq il-komunità, minħabba l-fatt li hija aktar faċli biex il-pubbliku jinnomina individwi jew organizzazzjonijiet li laqtuhom u li jaħsbu li jkun ħaqqhom apprezzament għax-xogħol li ttella’ matul l-istaġun tal-2018/2019. Għal dan l-għan ġiet imnedija website ġdida, premju.mt, li permezz tagħha l-udjenzi jistgħu jinnominaw ix-xogħol jew l-artisti li jemmnu li ħaqqhom jiġu rikonoxxuti.


Il-proċess tan-nominazzjoni huwa sempliċi – il-membri tal-pubbliku jridu jimlew formola sempliċi fuq il-website. Meta tiġi mressqa nomina, it-team ta’ Il-Premju għall-Arti jikkuntattjaw lill-individwi nnominati, u jistaqsuhom jekk jixtiequx jaċċettaw jew jirrifjutaw in-nomina. Jekk jaċċettaw, ikunu jridu jressqu dokumentazzjoni li jkollha x’taqsam max-xogħol tagħhom, li eventwalment tiġi evalwata minn esperti fis-settur.


Id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall enfasizza l-isforz komunitarju tal-Kunsill Malti għall-Arti fejn jidħlu dawn il-premji, u qal li din is-sena l-Kunsill għamel pass ulterjuri billi ħoloq proċess ta’ nominazzjoni li jgħaqqadna aktar mill-qrib mal-poplu u b’dan il-mod, il-Kunsill se jkun qed jindirizza udjenza usa’ biex tinnomina aktar produzzjonijiet u artisti ta’ talent.


Se jkun hemm 10 kategoriji kompetittivi fosthom Artist tas-Sena, Produzzjoni tas-Sena, l-Aqwa Intrapriża Kreattiva, u Premju għall-Innovazzjoni. Il-Premju għall-Arti se jagħti wkoll tliet unuri mhux kompetittivi: l-Unur għall-Karriera Artistika, l-Unur għall-Promoturi Kulturali u l-Unur għall-Wirt Artistiku.


Iċ-ċerimonja, se tittella’ f’April 2020 u l-proċess tan-nominazzjoni jinsab miftuħ fuq www.premju.mt, u jagħlaq fil-15 ta’ Novembru 2019. Nominazzjonijiet li jaslu tard mhux se jiġu kkunsidrati.


Għal aktar informazzjoni ċempel lill-Kunsill Malti għall-Arti fuq 2339 7019, jew ibgħat email fuq awards@artscouncilmalta.org.



Commentaires


bottom of page