Il-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadu kif nieda t-tieni edizzjoni tal-Fond għall-Kmamar tan-Nar li jaħdmu fuq bażi volontarja.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza li nkomplu nsaħħu dawn it-tradizzjonijiet. “Din il-kultura tmur lura għal diversi snin u llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan jifforma parti mill-wirt kulturali tagħna. Dawn id-drawwiet jifformaw ukoll parti intrinsika tal-identità tagħna bħala Maltin u bosta nies, kemm fuq livell lokali u anke barranin jiġu bi ħġarhom biex jaraw l-ispettakli u l-logħob tan-nar. Bħala gvern aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu dan is-settur speċjalment fejn għandha x’taqsam is-sigurezza.”
L-iskop ta’ dan il-finanzjament hu biex kull kamra tan-nar f’pajjiżna li hi eliġibbli jkollha l-opportunità li ttejjeb l-infrastruttura tagħha biex il-voluntiera fi ħdanha jkunu jistgħu jaħdmu f’post iktar sigur kemm waqt il-manifattura u waqt il-ħruq stess tan-nar, kif ukoll biex ikunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-prodott pirotekniku lokali fejn tidħol is-sigurezza.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jagħti spazju lill-kmamar tan-nar rispettivi biex joħorġu b’ideat u bi proposti biex jagħmlu restawr tal-kmamar tan-nar, investiment fl-istruttura tal-kmamar tan-nar u f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw il-manifattura tan-nar u jagħmlu produzzjoni aktar sigura kif ukoll investiment f’apparat għal aktar sigurezza u f’riżorsi ta’ tagħlim fuq dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà. Barra minn hekk jaħseb ukoll għal aktar kollaborazzjoni bejn il-kmamar tan-nar Maltin.
Il-Kunsill Malti għall-Arti se jorganizza kors tal-Ewwel Għajnuna b’kollaborazzjoni mal- Malta Red Cross. Sabiex jirċievu l-fondi approvati, l-applikanti huma obbligati li jinnominaw membru tal-kamra tan-nar rispettiva sabiex jattendi dan il-kors. Min ma jattendix dan il-kors mhux se jkun eliġibbli għall-fondi.
Dan hu programm ta’ finanzjament b’allokazzjoni ta’ €170,000 għall-2019. Kull kamra tan-nar tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €5,000. Dawn iridu jkunu kollha ta’ natura infrastrutturali. Il-fond hu miftuħ għall-kmamar tan-nar liċenzjati u reġistrati bħala organizzazzjoni volontarja. F’każ li l-kamra tan-nar tagħmel parti minn għaqda mużikali, din trid tkun reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja.
PR190602
Comments