top of page

Imniedi l-Pjan t’Azzjoni għall-2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-Pjan t’Azzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għall-2025, waqt avveniment li fakkar l-10 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill. L-avveniment immarka wkoll it-tnedija tar-rebranding tal-Kunsill kif ukoll website aġġornata. Għall-2025 il-Kunsill għandu wkoll ippjanati numru ta’ inizjattivi, inkluż 23 skema ta’ finanzjament b’investiment ta’ €7 miljun.


Matul l-aħħar 10 snin il-Kunsill investa aktar minn €28 miljun fi sforz biex jikber is-settur u jrendih bħala industrija professjonali u ekonomikament vijabbli.


“F’dawn l-aħħar 10 snin il-Gvern ta s-saħħa lill-Kunsill sabiex jiżviluppa sistema solida ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament sabiex jiġi żgurat aċċess aktar faċli għar-riżorsi mill-artisti u l-prattikanti. Fl-istess waqt nedejna diversi inizjattivi oħra li komplew isaħħu s-settur fl-intier tiegħu, f’konformità mal-wegħda elettorali tagħna li nkomplu ninvestu bis-saħħa fl-arti u l-kreattività,” stqarr il-Ministru Bonnici.


Il-Ministru Bonnici semma numru ta’ inċentivi li ġew imnedija għall-artisti u s-settur b’mod ġenerali, bħar-rata ta’ taxxa ta’ 7.5% għall-prattikanti kreattivi li jaħdmu għal rashom u t-tnaqqis fit-taxxa ta’ 150% għal donazzjonijiet kulturali. Ġie ffaċilitat ukoll l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura permezz ta’ inizjattivi bħall-Culture Pass. “Għal din is-sena nħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu nixprunaw it-tkabbir sostenibbli tas-settur anke permezz tal-programm ta’ finanzjament b’investiment ta’ €7 miljun,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Albert Marshall spjega li meta twaqqaf il-Kunsill il-pajsaġġ kulturali kien għadu fl-istadji tal-bidu tal-iżvilupp tiegħu, fejn kien aktar iffukat  fuq l-organizzazzjoni ta’ festivals u ċelebrazzjonijiet nazzjonali. Għaldaqstant bdiet ħidma fejn anki osservaw prattiċi internazzjonali u b’approċċ ambizzjuż illum il-Kunsill għandu fi ħdanu direttorati speċjalizzati sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet varji tas-settur.

 

L-Uffiċjal Kap tal-Operat tal-Kunsill Luke Dalli, qal “Id-deċiżjoni tar-rebranding ġejja mir-rikonoxximent tal-Kunsill tal-pajsaġġ kulturali u kreattiv dejjem jevolvi, kif ukoll il-bżonn li nimmodernizzaw l-identità tiegħu sabiex jiġi allinjat ma’ valuri kontemporanji u għanijiet strateġiċi. Dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid jirrifletti l-impenn tal-Kunsill sabiex jaffaċċja sfidi industrijali, jissielet għal drittijiet kulturali, u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala mexxej li jaħseb bil-quddiem fil-komunità kreattiva ta’ Malta, b’mod li jallinja lilu nifsu totalment mas-settur.”


L-Uffiċjal Kap tal-Operat tal-Kunsill għall-Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi, spjegat kif l-Istrateġija tal-Kunsill li twassal sa din is-sena dalwaqt tkun implimentata kompletament. Spjegat kif diġà għaddejjin konsultazzjonijiet għall-istrateġija tal-Kunsill li twassal sal-2030. Qalet li prijorità ewlenija hija li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti permezz tal-Karta tal-Istatus tal-Artist, waqt li l-promozzjoni tal-inklussività tibqa’ ċentrali, kif ukoll l-integrazzjoni tal-arti fil-kura tas-saħħa u ambjenti terapewtiċi.


Waqt dan l-avveniment ġie mniedi wkoll direttorat ġdid – id-Direttorat għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, li hu ddedikat biex jespandi l-imprint kulturali ta’ Malta globalment. Filwaqt li l-internazzjonalizzazzjoni ilu parti essenzjali mill-ħidma tal-Kunsill, dan id-direttorat se jkollu l-għan li jikkonsolida u jtejjeb l-isforzi sabiex it-talent artistiku Malti jiġi esebit fuq pjattaformi prestiġġjużi internazzjonali.


Annabelle Stivala, Executive Head tad-Direttorat il-ġdid, qalet: “Il-missjoni primarja tad-direttorat huwa li jippromwovi artisti Maltin u l-identità Maltija fuq skala globali. Din is-sena, dan id-direttorat ħa jalloka iżjed fondi u jżid opportunitajiet għall-artisti lokali sabiex jesebixxu u jagħtu prestazzjonijiet internazzjonalment. Lil hinn minn assistenza finanzjarja, id-direttorat huwa kommess li jipprovdi għodda u riżorsi li l-artisti għandhom bżonn globalment biex jiffjorixxu. Dawn l-inizjattivi jsaħħu d-diplomazija kulturali ta’ Malta, u jrawmu rispett u fehim reċiproku bejn pajjiżi differenti.” Hi semmiet ukoll li apparti l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja u l-London Design Biennale, id-direttorat diġà espanda l-preżenza tiegħu bili assigura spazju fil-Gwangju Biennale prestiġjuż fil-Korea t’Isfel, l-aktar avveniment kontemporanju tal-arti mexxej fl-Asja.


Għal aktar informazzjoni żur is-sit artscouncil.mt.






Comments


bottom of page