top of page

Imniedi l-programm artistiku tat-Teatru Manoel



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm artistiku tat-Teatru Manoel.

 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici spjega li t-talent lokali qed dejjem jingħata aktar opportunitajiet biex jimraħ u jissaħħaħ. Spjega li l-ħidma ma’ organizzazzjonijiet bħal ŻiguŻajg u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, jgħinu biex l-iżvilupp tal-arti f’pajjiżna tkompli tissaħħaħ filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-komunità.

 

“Permezz ta’ programmi u inizjattivi bħal dawn, napprezzaw aktar is-sbuħija tal-ilsien Malti u kif dan kapaċi joħloq produzzjonijiet mill-isbaħ bħalma huma Għażiż Francis u Is-Surmast,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Teatru Manoel, Dr Michael Grech, tenna li t-Teatru Manoel huwa wieħed mill-eqdem teatri fl-Ewropa li għadhom joperaw, u li se jkun qed joffri lill-udjenza l-aqwa minn kull ġeneru. “Dan kollu issa jista’ jitgawda minn kulħadd peress li t-teatru huwa iktar aċċessibbli permezz tal-installazzjoni tal-lift,” temm jgħid Dr Grech.

 

Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Edward Zammit qal, “Is-suċċess tat-Teatru Manoel ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-persuni kollha li jiffurmaw parti mit-tim dinamiku tagħna. Il-kompetenza, il-kreattività, l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom jiżguraw li kull wirja li tittella’ f’dan it-teatru tkun bla xkiel u toffri esperjenza unika għall-udjenza.”

 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku Adrian Mamo spjega li t-Teatru Manoel jikkollabora ma’ entitajiet oħra  bħall-Orkestra Nazzjonali, Kor Malta, Festivals Malta u Żfin Malta, kif ukoll kumpaniji privati tat-teatru u dawk mużikali sabiex jagħti l-aħjar produzzjonijiet lill-pubbliku. Kompla li din is-sena qed jilqgħu wkoll numru ta’ artisti internazzjonali li jinkludu atturi, kantanti u anke mużiċisti u żeffiena. 

 

Il-Maniġer ta’ TOI TOI, Kate Fenech Field qalet, “It-tim teatrali jaħdem bi sħiħ biex joħloq ambjent sigur għall-udjenza tagħna, fosthom għat-tfal, sabiex jesperjenzaw u jipparteċipaw b’mod attiv fil-produzzjonijiet.” 

 

Għal aktar informazzjoni dwar l-istaġun artistiku ta’ Teatru Manoel, u biex tibbukkja l-biljetti, żur teatrumanoel.mt jew żur il-Box Office ta’ Teatru Manoel.



 


 



 

Comments


bottom of page