top of page

Imniedi l-programm Culture Pass 2020-2021


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, nedew l-applikazzjonijiet għall-programm Culture Pass 2020-2021. Dan il-programm b’investiment ta’ €200,000 huwa intiż li joffri opportunità oħra sabiex produtturi kulturali joħolqu produzzjonijiet u attivitajiet artistiċi speċifikament immirati lejn iż-żgħażagħ u t-tfal waqt is-sena skolastika.

Il-Programm ‘Culture Pass’ ra l-bidu tiegħu fl-2016 u kull sena l-Gvern baqa’ jinvesti f’dan il-programm għaliex jagħraf l-importanza tal-element kulturali fil-programm edukattiv ta’ pajjiżna. Matul dawn is-snin huwa stmat li dan il-programm laħaq 86,000 student.

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li din l-inizjattiva se tagħti aċċess għall-kultura Maltija b’mod artistiku li jwassal għal tagħlim informali fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna. Il-materjal edukattiv ta’ dan il-kunċett se jwassal biex jissaħħaħ it-tagħlim bħala parti mit-tisħiħ fis-sistema edukattiva.

Il-Ministru Bonnici qal li, “B’din l-inizjattiva ż-żgħar tagħna sa minn età żgħira jibdew jitrawmu japprezzaw l-espressjoni artistika li għandha twassal biex jiżdied il-potenzjal kreattiv tal-istess student. Bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali, uliedna u ulied uliedna qed ngħinuhom jgħarfu li l-edukazzjoni hija lil hinn mill-karta tal-eżami tal-aħħar tas-sena għaliex huwa vjaġġ li rridu nimxu flimkien. Mhux eskluż li minn dawn l-attivitajiet kulturali xi studenti jaraw fihom infushom li anke huma jista’ jkun li għandhom talenti u ħiliet artistiċi li jistgħu jesploraw fil-mixja tal-karriera tagħhom.”

Il-Ministru Herrera qal li pajjiżna jinvesti miljuni ta’ ewro kull sena biex niżguraw li artisti Maltin ikollhom pjattaformi sabiex jesprimu l-kreattività u l-versatilità tagħhom f’kull forma ta' arti. “L-għan tal-Culture Pass huwa li nżewqu l-elementi artistiċi u kulturali ma’ dak edukattiv bħala parti integrali mill-kurrikulu. Bħala riżultat, il-lezzjoni ssir differenti u kreattiva filwaqt li nkunu qiegħdin nippromwovu aktar il-kultura u l-arti”, sostna l-Ministru Herrera.

Il-produzzjonijiet ivarjaw u jirrappreżentaw kull forma ta' arti inkluż żfin, teatru, mużika, arti viżwali, letteratura, film u wirt. Il-Linji Gwida u l-Applikazzjonijiet huma online fuq il-website tal-Kunsill tal-Arti f’Malta.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sal-21 ta’ Awwissu 2020.

Għal aktar informazzjoni tista’ tintbgħat e-mail fuq culturepass.mhal@gov.mt.



Comments


bottom of page