top of page

Imħabbar kunċert b’riżq Dar Bjorn



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-kunċert Long Live the Queen – The Ultimate Queen Show li se jittella’ fis-17 ta’ Mejju fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq b’riżq Dar Bjorn.

“Grazzi għal dawn l-inizjattivi, qed niżguraw li l-kultura u l-arti huma aktar aċċessibbli għal kulħadd u f’dan il-każ dan kollu qed isir għal kawża ġusta fejn id-dħul kollu sejjer għal Dar Bjorn. Dan kollu huwa eżempju ieħor ta’ kif il-kultura verament tagħmel differenza,” qal il-Ministru Bonnici.

Dan il-kunċert, li huwa mtella’ mis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, huwa mill-grupp Break Free, tribute band li hija meqjusa bħala waħda mill-aħjar fl-Ewropa għall-mużika tal-grupp leġġendarju Queen. Dan kollu qed jiġi organizzat mill-Għaxaq Music Events li saru sinonimi ma’ kunċerti kbar li saru matul is-snin li għaddew. Ewlenin fosthom huma l-kunċerti tal-gruppi Modern Talking,  Winter Moods u l-Pink Floyd Project.

Dan l-ispettaklu ser joffri esperjenza mill-aqwa lil dawk kollha li jattendu u se tinħoloq l-atmosfera famuża tal-kunċerti kolossali li kienu jtellgħu l-grupp Queen. L-ispettaklu ta’ dawl u ta’ sound ser jikkumplimenta dan kollu biex verament ikun kunċert mill-aqwa. L-esperjenza internazzjonali ta’ dan il-grupp qed twassal biex ikun milqugħ b’entużjażmu kbir mill-pajjiżi kollha fejn fost oħrajn tellgħu l-kunċerti tagħhom fir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u Franza.

Il-kantant ewlieni tal-grupp huwa meqjus minn bosta bħala wieħed mill-iktar li jqarreb il-vuċi tal-leġġenda Freddie Mercury. L-ispettaklu live li joffri huwa xhieda ta’ dan.

Wara s-suċċess tal-film Bohemian Rhapsody li jittratta l-ħajja ta’ Freddie Mercury, dan il-kunċert żgur li ser joffri nostalġija mill-isbaħ lil dawk kollha li jħobbu l-mużika tal-Queen. F’dan il-kunċert ser jindaqqu l-aktar diski li għamlu suċċess tul il-karriera tal-grupp Queen, fosthom The Show Must Go On, Bohemian Rhapsody, We are the Champions, We Will Rock You u Love of my Life.

Il-kunċert ta’ mużika live ser jibda mit-8 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Il-gruppi Vinyl Paradise u Airport Impressions ser jagħtu bidu għal dan il-kunċert li jiftaħ l-istaġun tas-sajf Malti. Pierre Cordina ser jippreżenta dan l-avveniment. L-organizzaturi ser jieħdu ħsieb jorganizzaw ukoll parking areas apposta għal dawk kollha li jattendu.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas, però dawk kollha li jattendu ser ikunu mitluba jagħtu donazzjoni b’riżq Dar Bjorn. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Għaxaq Music Events fuq Facebook.



Commentaires


bottom of page