top of page

Imħabbra d-dettalji tar-raba’ edizzjoni tal-festival Mużika Mużika



 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbru aktar dettalji dwar ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li ser jittella’ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Mużika Mużika għal darb’oħra ser jerġa’ joffri pjattaforma prestiġjuża lill-kontestanti, fejn ser jiġu ppreżentati live għoxrin kompożizzjoni bil-Malti, akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li bħalissa Festivals Malta qed jaħdem qatigħ biex Mużika Mużika jerġa’ jkun ta’ suċċess għar-raba’ sena konsekuttiva.

 

“Mużika Mużika sar appuntament annwali għal bosta professjonisti fil-qasam mużikali, tekniċi, kif ukoll għall-poplu Malti u Għawdxi li ta’ kull sena jsegwu dan il-festival b’tant entużjażmu. Kommessi li nkomplu ninvestu f’dan il-festival tant importanti, u dan sabiex l-artisti tagħna jkomplu jesponu t-talenti tagħhom u jesprimu ruħhom mużikalment permezz tal-lingwa Maltija, li tant hija għażiża għalina,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairperson  ta’ Festivals Malta Aaron Zahra tkellem fuq il-preparamenti loġistiċi tal-festival u kif it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem biex jibqa’ jgħolli l-livell tal-festival. “Mużika Mużika jinvolvi preparamenti loġistiċi kbar fosthom fejn jidħlu arranġamenti mużikali, il-provi tal-prestazzjonijiet u dawk mal-Malta Philharmonic Orchestra, fost ħafna affarijiet oħra. Sodisfatti bix-xogħol li sar u qed jsir, u m’għandniex dubju li dan il-festival ser jerġa’ jeċċedi kull aspettativa għar-raba’ sena konsekuttiva.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius ħabbar li din is-sena l-palk ta’ Mużika Mużika ser ikun qed jinkludi elementi 3D biex juri movimenti viżwali minn kwalunkwe angolu, kif ukoll għadd kbir ta’ LED screens u elementi jiċċaqalqu li ser jikkumplimentaw l-istil uniku tal-palk. 

 

Iċ-Chairperson  ta’ Mużika Mużika Ray Bugeja saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-festival, li sena wara sena jibqa’ jgħolli l-livell tiegħu kemm fejn tidħol produzzjoni kif ukoll fuq livell artistiku. Huwa ħabbar li l-preżentaturi għal din l-edizzjoni se jkunu Keith Demicoli, Clare Agius, u Moira Delia.

 

Id-Direttur Artistiku tal-Festival, Paul Abela semma li waqt din l-edizzjoni se terġa’ tirritorna l-Lejla tal-Klassiċi, li ser issir fil-15 ta’ Marzu, fejn kanzunetti klassiċi Maltin ser jiġu interpretati minn diversi kantanti stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali. Huwa ħabbar ukoll il-mistiedna speċjali li ser ikunu qed jagħtu l-ispettaklu tagħhom fis-serata finali li se jkunu Gianluca Bezzina li rebaħ it-tielet edizzjoni tal-festival, kif ukoll Shaun Farrugia, li rnexxielu jikseb suċċess kbir internazzjonalment.

 

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser isseħħ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur muzikamuzika.mt.



 

 


 


 

Comments


bottom of page