Il-EUNIC Film Festival se jittella’ fuq sitt ijiem, 24 – 29 ta’ Settembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta
Erbatax-il produzzjoni se jiġu mtellgħin fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, biex jiċċelebraw id-diversità fil-forom kollha tagħha. Il-EUNIC Film Festival se jittella’ fuq sitt ijiem, mill-24 sad-29 ta’ Settembru fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.
Qed jieħdu sehem 12-il membru u msieħba li huma: l-ambaxxati tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja u Spanja, kif ukoll l-Alliance Française, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-British Council, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istituto Italiano di Cultura.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici ħabbar li din hija sena speċjali għall-Malta fil-kuntest tal-EUNIC (l-Istitut Ewropew tal-Kultura) hekk kif Mary Ann Cauchi, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, inħatret bħala Direttur tal-Bord tal-EUNIC. “Dan hu riżultat tal-impenn tal-Kunsill għall-kollaborazzjonijiet kulturali internazzjonali u l-inklussività,” sostna l-Ministru Bonnici. Huwa rrefera għall-ħidma kbira li saret fil-qasam tal-ugwaljanza kemm fuq livell Ewropew u anke dak lokali u spjega li f’medda ta’ inqas minn għaxar snin, Malta saret leader tal-Ewropa fid-drittijiet LGBTIQ+.
“Din kienet kisba straordinarja li ma waslitx faċilment. L-istatus quo ġie sfidat u megħlub. Kien hemm bżonn kuraġġ u perseveranza. Illum, id-drittijiet LGBTIQ+ ksibniehom – anke jekk hemm aktar xogħol xi jsir, iżda żgur li ksibna ħafna f’dan ir-rigward. Sirna xempju ta’ tama u ugwaljanza madwar id-dinja”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-produzzjoni ta’ Malta hija Carmen u hija ispirata minn ġrajjiet veri u ambjentata f’Malta. Il-produzzjoni hija dwar Carmen li ilha tieħu ħsieb ħuha, saċerdot fil-knisja lokali, minn meta kellha sittax-il sena. Issa kważi ta’ ħamsin sena, tibda ħajja ġdida. Filwaqt li tiffaċċja l-passat tagħha, Carmen iġġib kulur fil-ħajja tar-raħħala f’din l-istorja dwar mara li ssib vuċi tagħha.
Comments