Waqt ċerimonja ppreseduta mill-President ta’ Malta George Vella, flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, tħabbru l-benefiċjarji tal-Fond tal-President għall-Kreattività.
Iż-żewġ organizzazzjonijiet li din is-sena bbenefikaw minn dan il-Fond huma l-Fondazzjoni Gabriel Caruana, permezz tal-proġett tagħhom Layers of Being, u l-Assoċjazzjoni Opening Doors, għax-xogħol kontinwu tagħha li permezz tiegħu tagħmel l-arti u l-kultura aċċessibbli għal persuni b’diżabilitajiet.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività jippromwovi l-parteċipazzjoni kulturali u l-espressjoni kreattiva, u huwa parti minn numru ta’ inizjattivi li jippermettu t-tkabbir inklussiv u olistiku tas-setturi kulturali u kreattivi. Dan il-Fond, li l-Kunsill Malti għall-Arti ilu jikkontribwixxi għalih mill-2014, ippremja aktar minn 50 proġett mill-bidu tiegħu fl-2011.
Il-President George Vella feraħ lill-benefiċjarji u ħeġġiġhom biex dejjem iżommu quddiem għajnejhom il-ġid tas-soċjetà u l-komunitajiet tagħna għaliex stqarr li l-kreattività tmur lil hinn minn ħidmet l-artist u l-att kreattiv innifsu. “Nittama li bis-saħħa ta’ dan il-premju nkomplu nseddqu u nixprunaw ambjent fejn kull ċittadin jingħata l-ispazju u l-opportunità sabiex jagħti kontribut siewi u xieraq lis-soċjetà Maltija,” qal il-President.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici stqarr “Inizjattivi bħall-Fond tal-President għall-Kreattività huma xhieda tal-valur li nagħtu lid-diversità tal-espressjoni artistika u kulturali. Bħala parti mill-wegħda elettorali tagħna, enfasizzajna l-importanza tal-aċċess u l-parteċipazzjoni fl-oqsma tal-kultura u l-kreattività u inizjattivi bħal din jilħqu dan l-għan.”
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi spjegat kif il-Fond tal-President għall-Kreattività jindirizza wieħed mill-prinċipji tal-Istrateġija tal-Kunsill, li jsejjaħ għat-titjib tal-aċċessibbiltà u li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fl-attività kulturali u kreattiva. “Din l-inizjattiva qed twassal sabiex l-arti u l-kultura jkunu aktar aċċessibbli għan-nies,” sostniet is-Sa Cauchi.
L-Assoċjazzjoni Opening Doors hija organizzazzjoni volontarja li tippromwovi l-involviment ta’ adulti b’diżabilitajiet intellettwali fis-settur artistiku. Hija toffri sessjonijiet artistiċi, tipproduċi spettakli, u torganizza workshops inklussivi f’kollaborazzjoni ma’ komunitajiet diversi. Il-finanzjament li ngħata għall-proġett rebbieħ, ‘Leading by Example: Inclusion at all Levels’, se jippermetti lill-organizzazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha u tiżviluppa xogħlijiet, programmi artistiċi u kollaborazzjonijiet ġodda matul it-tliet snin li ġejjin.
Permezz tal-proġett Layers of Being, il-Fondazzjoni Gabriel Caruana flimkien ma’ komunitajiet differenti se tesplora t-temi tal-fejqan, il-kura u l-benesseri tal-bniedem permezz tal-arti. Il-proġett se jinvolvi komunitajiet interġenerazzjonali u interkulturali flimkien ma’ grupp ta’ artisti li se jinkludu artisti involuti fil-qasam soċjali, mużiċisti, artisti tat-tessut, u artisti tal-ispettaklu.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Fond tal-Premju tal-President għall-Kreattività, tista’ żżur www.artscouncilmalta.gov.mt.
Comentarios