top of page

Inawgurat il-Mużew u l-Arkivju tar-Reġistri Notarili



Ġie inawgurat il-Mużew u l-Arkivju tar-Registri Notarili (NRA) b’investiment ta’ €5 miljun, li minnhom aktar minn €4 miljun ġew finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) 2014-2020. Il-proġett ġie inawgurat uffiċjalment mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

 

Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fl-2016. Mill-2021, l-Arkivju tar-Reġistri Notarili beda jifforma parti mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. F’Lulju 2023 il-Fondazzjoni Arkivji Nutarili ħadet f’idejha t-tmexxija u l-operat tagħha.

 

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li dan l-Arkivju huwa sors uniku ta’ informazzjoni, fejn ikomplu jiġu skoperti fatti dwar l-istorja ta’ Malta u l-Mediterran. Kompla li r-repożitorju jżomm ’il fuq minn 2km ta’ rekords li jitfgħu dawl fuq il-qasam legali, ekonomiku, soċjali u kulturali u l-istorja tal-gżejjer Maltin.

 

“Dan il-proġett ra l-konservazzjoni sħiħa tax-xogħol kollu ta' 15-il nutar individwali, li jammontaw għal aktar minn 600 volum. Dawn jinkludu manuskritti li ġarrbu ħsarat kbar matul it-Tieni Gwerra Dinjija," spjega l-Ministru Owen Bonnici.

 

Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif il-ftuħ ta’ dan l-Arkivju tar-Reġistri Notarili jimmarka ġurnata memorabbli oħra fl-istorja rikka tal-professjoni notarili ta’ pajjiżna. “Professjoni li mhux biss tagħtina identità ta’ min kienu dawk ta’ qabilna u l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minn ħutna Maltin u Għawdxin, iżda wkoll professjoni li biha tgħallimna ħafna fuq l-istorja ta’ pajjiżna,” tenna l-Ministru Attard.

 

Il-Ministru Attard kompla li faċilitajiet bħal dawn iwittu t-triq biex l-Arkivji tar-reġistri Notarili jistabbilixxi ruħu bħala benchmark internazzjonali ta’ riċerka arkivjali, preservazzjoni u konservazzjoni tal-wirt tal-karta. Kif ukoll hu xiehda tal-impenn tal-Gvern kemm lejn il-patrimonju Malti kif ukoll lejn il-ħtieġa li nissalvagwardjaw l-istorja legali notarili.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett saħaq “B’dan il-proġett mhux biss ġie ppreservat il-passat tagħna imma tajna aċċess għalih lill-ġenerazzjoni ta’ issa billi ħadna ħsieb id-dokumenti imprezzabbli li joffru wirt ta’ għarfien li jinfirex sekli sħaħ. Dan l-investiment mhux biss se jistimula l-kurżita akkademika iżda se jwitti wkoll it-triq għal skoperti kulturali u storiċi futuri.”

 

Permezz ta’ dan l-investiment, iż-żewġ palazzi li jinsabu f’24, Triq San Kristofru, u 217, Triq San Pawl ġew rijabilitati u mibdula f’ċentru multi dixxiplinarju għall-investigazzjoni storika u xjentifika. Filwaqt li l-Palazzo fi Triq San Kristofru ser jospità l-kollezzjoni ta’ manuskritti f’ambjent climate-controlled, l-ewwel tax-xorta tiegħu għall-gżejjer Maltin. Il-palazz fi Triq San Pawl se jkun qed jilqa’ lill-pubbliku, viżitaturi, u riċerkaturi fi spazji bħall-Mużew tal-NRA, il-Kamra tal-Qari, u l-ispazju tal-voluntiera, apparti l-laboratorju ta’ Konservazzjoni.

 

Il-kollezzjoni kollha ta’ dokumenti nutarili għaddejja minn proċess ta’ diżinfestazzjoni qabel ma terġa’ lura fir-repożitorju tal-Arkivju.

 

Il-Mużew tal-NRA se jesebixxi, fost oħrajn, il-Kantilena ta’ Pietro Caxaro, il-portolan chart tas-seklu 16 ta’ Domenico Vigliarolo, u d-dokument ta’ George Cross. Il-Mużew se joffri esperjenza edukattiva innovattiva u għodda utli għall-esplorazzjoni tal-istorja Maltija u Mediterranja.



 

 



 



Comments

Couldn’t Load Comments
It looks like there was a technical problem. Try reconnecting or refreshing the page.
bottom of page