Proġett b’investiment ta’ aktar minn €2.1 miljun b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej
Ġie inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fi ħdan il-Konkatidral ta’ San Ġwann b’investiment totali ta’ aktar minn €2.1 miljun b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej.
L-għan ta’ dan iċ-Ċentru hu li l-viżitaturi jiskopru iktar dwar l-artist magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio u jkunu jistgħu jesploraw iktar t-tekniki rivoluzzjonarji, il-ħajja li kien jgħix, u l-wirt artistiku dejjiemi tiegħu.
Iċ-Ċentru se joffri opportunità rari biex jintwerew ix-xogħlijiet ta’ Caravaggio mill-qrib, fejn se jipprovdi lill-viżitaturi esperjenza interattiva u informattiva. Din iż-żona addizzjonali qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari mal-biljett tad-dħul.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka kif il-kapolavuri ta’ dan l-artist rinomat u x-xogħlijiet innovattivi tiegħu jkomplu jispiraw lill-udjenzi numerużi madwar id-dinja. Huwa spjega wkoll li dan huwa ċentru edukattiv u interattiv mimli informazzjoni mill-isbaħ.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-fatt li din iż-żona addizzjonali se tkun qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari bl-istess biljett tad-dħul ifisser li se tkun qed tiġi msaħħa l-esperjenza sabiħa li wieħed jgħaddi minnha meta jżur dan il-ġojjell arkitettoniku. Huwa qal li dan il-proġett kien importanti li jsir mhux biss għal pajjiżna, imma għall-arti Ewropea kollha kemm hi għaliex ix-xogħlijiet ta’ Caravaggio huma espressjoni mill-isbaħ tal-kreattività Ewropea.
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-għan taċ-Ċentru Caravaggio jmur lil hinn mill-valur estetiku għaliex minbarra li juri l-kobor tal-artist, dan il-proġett hu mod kif l-arti twassal għat-triq tal-verità u t-tjubija. Hu rrifletta dwar il-personalità kumplessa ta’ Caravaggio u enfasizza r-rilevanza dejjiema tal-arti tiegħu fid-dinja tal-lum.
“Fil-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista naraw it-traġedja ta’ meta l-arroganza u l-abbuż tal-poter iħallu vittmi innoċenti. Din il-pittura ta’ Caravaggio hi monument tat-traġedja tal-umanità. Fiha naraw dak li qed jiġri bħalissa fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fis-Sudan, u f’tant postijiet oħra tad-dinja”. L-Arċisqof Scicluna awgura li dan il-proġett iwassal sabiex iħalli fil-viżitaturi x-xewqa għall-bidla għat-tajjeb.
Il-President tal-Fondazzjoni Glenn Micallef qal, “Dan l-investiment hu l-iprem eżempju tal-ħidma li qed tagħmel din il-Fondazzjoni biex ittejjeb l-esperjenza ta’ dawk li jżuru San Ġwann. Proġett li huwa wieħed mill-bosta li qegħdin inwettqu – li ser ikomplu jagħmlu minn dan il-Kon-Katidral, post li jagħmilna kburin mad-Dinja kollha.“
Iċ-Ċentru Caravaggio se jkun maqsum kif ġej: L-ewwel sular: ‘Face to Face’ hija żona fejn il-viżitaturi jistgħu jitgħallmu kollox dwar ‘The Beheading’. Il-proġezzjonijiet ta’ daqs naturali jġibu lill-viżitatur wiċċ imb’wiċċ mad-dettalji kollha importanti tal-pittura, li ħafna drabi tiġi injorata minħabba l-konfini tal-Oratorju.
Il-pjan terran, imbagħad, jipprovdi spazju ieħor ta’ attrazzjonijiet għall-pittura oħra tal-Caravaggio - ‘St Jerome Writing’ kif ukoll wirjiet interattivi li jipprovdu informazzjoni relatata mal-istorja tal-pittura u jiffokaw fuq l-aspett edukattiv. Fuq l-istess livell ‘Meet Caravaggio’ hija żona awdjoviżiva li tagħti narrattiva dwar il-ħajja, il-karriera, u l-kisbiet artistiċi tal-artist ta’ Caravaggio u l-produzzjoni artistika tiegħu matul iż-żjara tiegħu f’Malta. F'din iż-żona, il-viżitatur se jkun jista' jgawdi l-proġezzjonijiet viżwali b'mod informattiv.
Is-sezzjoni xjentifika se tipprovdi l-opportunità li wieħed jifhem il-proċess kreattiv tal-artist, iżda wkoll il-viċissitudini li għaddiet mill-pittura matul is-sekli grazzi għall-għajnuna ta' tekniki dijanjostiċi mhux invażivi, bħall-Infrared Reflectography, id-dwal UV u l-Infrared Reflectography.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li tlesta x-xogħol fuq il-kamra tal-arloġġ, li jmur lura għall-1584, tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u dan wara ħidma li saret mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Il-pubbliku jista’ jsegwi mill-qrib kif jaħdem dan l-arloġġ li jiddomina l-faċċata tal-Konkatidral kif ukoll il-Kampnar tan-Nofsinhar.
Għal aktar informazzjoni, tista' żżur - www.stjohnscocathedral.com
Comments