L-ewwel Park Arkeoloġiku f’baħar fond, li jinsab lil hinn mix-Xlendi u li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fid-dinja, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
F’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-park, il-Ministru Owen Bonnici spjega li fl-2020 dan is-sit ġie dikjarat bħala Żona Arkeoloġika fil-Baħar u jkopri żona rettangolari ta’ valur arkeoloġiku sinifikanti, b’total ta’ 67,000m². “Permezz ta’ dan il-park, riċerkaturi u bugħaddasa tekniċi mid-dinja kollha jistgħu jesploraw l-istorja ta’ Malta mil-lat arkeoloġiku,” spjega l-Ministru Bonnici.
Huwa kompla li dan il-park se jkun aċċessibbli wkoll b’mod virtwali permezz tas-sit www.underwatermalta.org. “Permezz ta’ dan il-mużew virtwali iktar nies jistgħu japprezzaw is-siti uniċi tal-ibħra tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ewwel park arkeoloġiku dinji f’baħar fond qed jitnieda fil-gżira Għawdxija. “Dan il-park se joffri l-opportunità sabiex aktar viżitaturi ta’ kwalità jagħżlu lil Għawdex għal vaganza li toffrilhom esperjenza partikolari u differenti minn postijiet oħra. Madanakollu, l-għan tagħna mhuwiex biss li nkomplu ntejbu l-prodott turistiku, iżda li nieħdu ħsieb il-wirt kulturali rikk u dak kollu li ħallewlna missirijietna sabiex nippreservaw l-identità tagħna u l-karatteristiċi li jiddistingwuna,” tenna l-Ministru Camilleri, filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut sabiex dan il-proġett seta’ jkun possibbli.
Il-Professur Timmy Gambin, li jmexxi t-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, semma kif fix-Xlendi ilha tintuża teknoloġija innovattiva ta’ taħt il-baħar sa minn tmiem is-snin 50 tas-seklu l-ieħor. “Dan il-park uniku hu xhieda tal-valur tal-fdalijiet arkeoloġiċi lil hinn mill-kosta tax-Xlendi, filwaqt li jagħmel il-wirt kulturali u l-prodott turistiku ta’ Għawdex aktar għani. Permezz ta’ sforzi kollaborattivi oħra fil-ġejjieni, u grazzi għall-appoġġ ġeneruż tal-Malta Airport Foundation, Għawdex se jkompli jiżviluppa bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-oqsma tal-arkeoloġija ta’ taħt il-baħar u l-immaniġġjar tal-wirt kulturali,” tenna l-Professur Gambin.
Iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation Josef Formosa Gauci qal li l-fondazzjoni tat l-appoġġ tagħha għal dan il-proġett għaliex il-wirt ta’ taħt il-baħar huwa parti integrali mill-prodott turistiku tal-Gżejjer Maltin kif ukoll mill-identità ta’ pajjiżna.
“Minkejja li l-fond li fih jinsab dan il-park jagħmlu aċċessibbli biss għall-għaddasa tekniċi, ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ Heritage Malta sabiex twassal dak li hemm mistur f’qiegħ il-baħar għand udjenzi speċjalizzati u l-pubbliku. Huwa ta’ unur għall-fondazzjoni li setgħet tikkontribwixxi għal dan is-suċċess u impenjati li nkomplu nagħtu l-appoġġ għal dan il-proġett uniku li mhuwiex importanti biss għal Malta iżda wkoll għall-istorja usa’ taċ-ċentru tal-Mediterran,” temm jgħid is-Sur Formosa Gauci.
Damien Spiteri, is-Sindku tal-Munxar, qal li inizjattivi bħal dawn joffru dimensjoni unika tal-wirt kulturali u storiku li jinsab fix-Xlendi u l-promozzjoni tal-istorja rikka tiegħu. “Inizjattivi u proġetti bħal dawn huma f’sintonija mal-ambjent naturali u mal-karatteristiċi uniċi tax-Xlendi. B’dan it-tip ta’ inizjattivi nkunu nistgħu nippreservaw u nibqgħu ngawdu dak li verament isawwar lix-Xlendi,” tenna s-Sindku tal-Munxar.
Il-fond tal-baħar fejn hemm il-park ivarja bejn 105 metri u 115-il metru. Hawnhekk, qiegħ il-baħar hu karaterizzat minn ramel fin u sikek tal-qroll estinti. Madwar is-sikek wieħed jista’ jara ġemgħat ta’ oġġetti arkeoloġiċi, l-aktar anfori. Aktarx li hemm aktar fdalijiet arkeoloġiċi midfunin fir-ramel, meta wieħed iqis is-sediment li jinġarr kontinwament mill-wied tax-Xlendi kif ukoll il-preżenza ta’ oġġetti midfunin parzjalment.
Il-park, sponsorjat mill-Malta Airport Foundation, huwa l-frott ta’ sforz kollaborattiv bejn it-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, l-Università ta’ Malta, u l-Kunsill Lokali tal-Munxar.
Comments