top of page

Inawgurata żona pedonali quddiem l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni




 

Iż-żona quddiem id-daħla tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni f’Raħal Ġdid ġiet inawgurata bħala żona pedonali wara li tlesta proġett minn Heritage Malta fejn it-triq ġiet pavimentata, sarilha xogħol infrastrutturali ieħor, u ġiet imsebbħa għall-benefiċċju kemm tal-viżitaturi tal-Ipoġew kif ukoll għar-residenti ta’ din it-triq.

 

Iż-żona pedonali ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.

 

“Permezz ta’ dan il-proġett, qed tingħata aktar dinjità u prominenza lill-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, li hu Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO. L-Ipoġew issa hu iżjed distint mill-bini ta’ madwaru, minn quddiemu ma jistgħux jgħaddu vetturi, u l-parti tat-triq fejn jinsab ġiet imsebbħa b’pavimentar ġdid, dawl mal-art, għamara ġdida u pjanti,” tenna l-Ministru Bonnici.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit radd ħajr lil dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett li bis-saħħa tiegħu l-Ipoġew huwa mħares aħjar u jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

 

L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa struttura taħt l-art li kien jintuża għad-dfin madwar 4000 sena sa 1500 sena qabel Kristu. Ġie dikjarat bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji mill-UNESCO fl-1981 u huwa mfittex ħafna mill-viżitaturi.

 

Fi sforz biex tiġi dokumentata u tifhem l-istorja aktar riċenti tas-sit, Heritage Malta qed tappella lil dawk li għandhom tifkiriet tal-Ipoġew li jmorru lura bosta snin biex iċemplu fuq 23954353 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u l-17:00 jew jibagħtu email lil info@heritagemalta.org. Il-ġbir ta’ dawn it-tifkiriet hu maħsub li jkun parti mill-proġett MEMORJA tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.

 

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku u l-Viċi Sindku ta’ Raħal Ġdid.

 


コメント


bottom of page