Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza jipprovdi pjattaforma biex jagħraf ir-rwol importanti li għandhom in-nisa u l-bniet li jindirizzaw l-isfidi ewlenin ta’ żmienna permezz tal-kontribuzzjonijiet attivi tagħhom fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija (STEM).
Iċċelebrata illum, 11 ta’ Frar, il-ġurnata hija opportunità importanti biex tippromwovi aċċess sħiħ u ugwali u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni fix-xjenza għan-nisa, bniet u gruppi oħra sottorappreżentati.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar żaru l-Esplora fid-dawl tal-Jum Dinji għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza. Matul iż-żjara huma segwew ix-xogħol siewi li jsir ġewwa l-Esplora. Matul iż-żjara huma tkellmu ma’ diversi ħaddiema fejn kienu huma stess li saħqu fuq il-bżonn ta’ aktar nisa li jaħdmu fis-settur tax-xjenza.
Il-Ministru Bonnici sostna li huwa kruċjali li iktar bniet, tfajliet u nisa jersqu lejn il-qasam tax-xjenzi biex pajjiżna jibqa’ jkollu ekonomija b’saħħitha li tkun imsejsa fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa qal li huma diversi l-eżempji kemm lokali u internazzjonali ta’ nisa li ħolqu innovazzjonijiet li għamlu differenza fil-ħajja tal-bniedem u huwa importanti li pajjiżna jkun fuq ta’ quddiem biex immexxu dan is-settur.
Huwa qal li l-gvern se jkun qiegħed isaħħaħ il-ħidma tajba ħafna li qed issir biex iktar nisa jersqu lejn il-kamp tax-xjenzi, mhux biss mill-bank tal-iskola imma anke fejn jidħol il-qasam tax-xogħol għaliex dan hu settur li jagħti karrieri sbieħ u tajbin u li bil-ħidma tagħhom isiru bidliet li jibbenefikaw lis-soċjetà inġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u Riformi Rosianne Cutajar tkellmet dwar il-bżonn li jiġu megħluba l-isterjotipi li jżommu lin-nisa milli jiħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Hija tkellmet dwar kif l-aspettattivi tas-soċjetà jikkundizzjonaw lill-bniet sa minn età żgħira u jiskoraġġuhom milli jieħdu karrieri fix-xjenza.
Is-segretarju parlamentari saħqet fuq il-bżonn li niddedikaw aktar enerġija u niffokaw fuq l-edukazzjoni STEM billi nipprovdu taħriġ lill-għalliema, noħolqu ambjenti ta’ tagħlim STEM siguri u inklussivi, u nippromwovu l-adozzjoni ta’ dawn is-suġġetti fost studenti nisa, u ntejbu l-programmi ta’ mentoring, apprendistati u pariri dwar il-karriera biex tkun żgurata orjentazzjoni ġusta u ugwali ta’ studenti nisa fuq studji u karrieri STEM.
Ritratti: MRIC, MJEG_PS
Comments