Bħala parti mill-World Cleanup Day li ssir f’diversi pajjiżi madwar id-dinja ta’ kull sena, qed issir inizjattiva f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna li l-iskop tagħha huwa li jiġi riġenerat aktar għarfien u titqajjem iżjed kuxjenza dwar l-indafa pubblika. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li l-kunsilli lokali jgħaqqdu lill-komunitajiet u jwettqu tindif fil-lokalitajiet. Il-ħsieb huwa li matul is-sena kollha, il-parteċipanti jkunu l-ambaxxaturi ambjentali tal-komunità biex l-indafa tinżamm. Il-kunsilli lokali huma wkoll imħeġġa li jippromwovu din l-attività mar-residenti barranin fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Il-kunsilli lokali kollha kienu eliġibbli li japplikaw għal din l-inizjattiva. B’kollox qed jieħdu sehem 28 kunsill lokali u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali allokat fond totali ta’ €21,858 għal din l-inizjattiva.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva, qegħdin inwasslu aktar għarfien dwar kif inżommu l-lokalitajiet tagħna nodfa, mhux biss għall-benefiċċju tagħna imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri, billi noħolqu aktar kuxjenza fost il-komunitajiet tagħna dwar il-benefiċċji li jkollna ambjent aktar nadif”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Bħala Gvern aħna mpenjati li nkomplu ntjebu l-livell ta’ għajxien fil-komunitajiet tagħna billi nipprovdu spazji aktar siguri u nodfa għall-benefiċċju ta’ kulħadd”, kompla il-Ministru Bonnici. Huwa kkonkluda billi rringrazzja lil dawk il-kunsilli lokali li qegħdin jipaprteċipaw f’din l-inizjattiva tal-World Cleanup Day.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-Gvern preżenti qed jagħti prijorità lill-indafa f’pajjiżna u din l-inizjattiva hija xhieda oħra ta’ dan. Madanakollu, biex tinżamm l-indafa, hemm bżonn li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. F’din l-inzjattiva l-gvern ċentrali, il-gvern lokali, ir-residenti, in-negozji, l-għaqdiet lokali u l-NGOs qegħdin jingħaqdu lkoll flimkien biex inkomplu jnaddfu l-lokalitajiet. Is-segretarju parlamentari għalaq billi qal li jemmen li din l-inizjattiva għandha sservi bħala għodda biex inkomplu nqajmu kuxjenza ambjentali u jkollna aktar indafa u ordni fil-lokalitajiet.
Comments