top of page

Investiment fil-patrimonju reliġjuż: Jitħabbru xogħlijiet ta’ restawr fuq l-istatwa titulari ta’ San Gejtanu



 

Kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Komunità Malta qed twassal biex ikompli jsir aktar investiment għall-ħarsien tal-patrimonju nazzjonali u anke dak reliġjuż. Għaldaqstant, ġew allokati fondi minn Komunità Malta għar-restawr tal-pedestall tal-istatwa titulari ta’ San Gejtanu fil-Knisja Parrokkjali tal-Ħamrun u biex jinħadem pedestall għal statwa ġdida li se tintuża mill-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni fi ħdan il-lokalità tal-Ħamrun.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu hija punt fokali mhux biss għall-komunità tal-Ħamrun, iżda għall-Maltin kollha, u l-istatwa titulari ddedikata lill-qaddis ta’ dan ir-raħal indubbjament għandha sinifikat kbir fil-kultura tagħna. Għaldaqstant, din l-inizjattiva se tiżgura li l-istatwa tiġi restawrata sabiex titgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.”

 

Il-ministru kompla li dan l-investiment jorbot mal-impenn tal-gvern li jappoġġja t-tradizzjonijiet kulturali tal-komunitajiet sabiex jisfrutta l-potenzjal sħiħ ta’ dawk l-espressjonijiet kulturali li huma msejsa f’attività bbażata fil-komunità. “Dan l-investiment għal darb’oħra juri l-valur li nagħtu lill-attivitajiet kulturali tal-poplu, li huma daqstant importanti sabiex isaħħu t-tessut tas-soċjetà tagħna filwaqt li nsaħħu dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri rrefera għall-impenn tal-gvern li juża r-riżorsi tiegħu biex jibqa’ qrib in-nies, jinvesti fil-komunitajiet u fil-patrimonju kulturali. Kompla li fl-aħħar sena, Komunità Malta għaddiet aktar minn €2.5 miljun għal proġetti soċjokulturali jew filantropiċi. “L-Aġenzija Komunità Malta qiegħda taħdem id f’id mal-komunità, għaliex b’dawn ix-xogħlijiet se jkun imħares il-patrimonju kulturali u reliġjuż li kuljum jitgawda mill-komunità,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.



 

Ritratti (DOI-MHAL/MHSE)



 

Comments


bottom of page