top of page

Investiment ta’ €100,000 għar-riġenerazzjoni tal-ewwel bandli attrezzat għall-awtiżmu

Investiment ta’ €100,000 għar-riġenerazzjoni tal-ewwel bandli attrezzat biex ikun aktar aċċessibbli għal tfal fl-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu




Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żar Ġnien l-Ewropa f’Birżebbuġa fejn ilkoll taw dettalji dwar proġett li se jwassal sabiex jinbena l-ewwel ġnien b’bandli inklussiv. Preżenti magħhom kien hemm ukoll mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, is-Sindku Joe Farrugia u l-kunsilliera ta’ Birżebbuġa u rappreżentanti tal-fondazzjoni GAL XLOKK.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici spjega, “Meta avviċinani l-kunsill lokali bl-idea li f’dan il-ġnien ninkorporaw bandli li jkun speċjalizzat għal tfal fl-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu, mill-ewwel ilqajt din ix-xewqa. Dan għaliex f’Malta għad m’għandniex biżżejjed postijiet fejn ġenituri li jkollhom tfal b’dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jieħdu lil uliedhom. L-istess bħalma fis-sistema edukattiva tagħna nemmnu li ħadd m’għandu jaqa’ lura, nemmnu wkoll li l-edukazzjoni mhix biss akkademika però anki l-parti rikreattiva f’ħajjitna tilgħab parti importanti. Kuntent ħafna li se nkunu qed ninvestu €40,000 għall-inklużjoni f’dan ir-raħal sabiħ”.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li fakkar li llum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għat-Tfal, saħaq li permezz ta’ dan l-investiment, tfal fl-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu se jkollhom spazju miftuħ fejn jista’ jintuża bħala terapija sabiex itejjeb il-kundizzjoni tagħhom. Huwa semma kif l-attività fiżika tista’ tgħin lil dawn it-tfal sabiex itejbu s-self-esteem u jiżviluppaw ħiliet ġodda. Fl-aħħar nett is-segretarju parlamentari rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ta’ din l-inizjattiva.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fisser li l-proġett li se jkun qed isir mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa b’fondi Ewropej se jwassal għal tisbiħ ta’ spazju miftuħ fiż-żona magħrufa bħala Tal-Papa, Birżebbuġa. Hu spjega li dan il-proġett se jibbenefika minn €57,870 fondi Ewropej mill-programm LEADER li huwa mmexxi mill-fondazzjoni GAL XLOKK. Dawn il-fondi Ewropej jiffinanzjaw proġetti li jitwettqu fil-qalba tal-lokalitajiet u li b’mod dirett itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Temm jgħid li, “Dan il-proġett huwa xieraq għal-lokalità ta’ Birżebbuġa għaliex isebbaħ spazju miftuħ f’din il-lokalità”.

Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li permezz ta’ dan il-proġett fi Ġnien l-Ewropa, qed nuru kemm hija importanti u kruċjali l-inklużjoni fejn naħsbu f’kulħadd u kullimkien.

Bix-xogħol ta’ tisbiħ li se jsir f’dan il-ġnien se jibbenefika kulħadd fosthom dawk li għandhom problemi ta’ mobbiltà u anke persuni fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu.

Dan kollu sar għax kien hemm imbuttatura qawwija sabiex l-aċċessibbiltà tingħata prijorità assoluta. “Jiena kburija ħafna li l-gvern qed jieħu ħsieb lil kulħadd, speċjalment liż-żgħir”, qalet Dr Lydia Abela.

Dr Abela fakkret kif proprju ftit tal-ġimgħat ilu, tnediet skema bl-isem ta’ Sens-Ability, bil-għan li persuni fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi biex ikollhom sensory room fil-kumdità ta’ darhom.

Dan il-proġett nemmen li se jkun kontinwità ma’ ħolqa ta’ proġetti fejn qed noħolqu aktar aċċessibbiltà għal kulħadd b’aktar inklużjoni fil-komunità.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jiffinanzja parti minn dan il-proġett b’investiment ta’ €40,000 u se jkun ko-finanzjat minn fondi Ewropej ta’ €57,870.



Comments


bottom of page