Investiment ta’ €400,000 minn fondi għar-riċerka għal żewġ proġetti bil-għan li jgħinu fl-irkupru tal-għadam b’mod inqas invażiv għall-pazjent
Tim ta’ inġiniera mill-Università ta’ Malta u professjonisti mediċi mill-Isptar Mater Dei qed jaħdmu fuq scaffolds tal-għadam magħmulin apposta fuq bażi tal-metall, li jiddegradaw u jippermettu lill-għadam tal-pazjent jerġa’ jikber. Dan il-proġett sar possibbli grazzi għal €200,000 f’fondi għar-riċerka mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici żar il-laboratorji fl-Università ta’ Malta fejn qed isir ix-xogħol relatat mal-impjant BioSA. Waqt l-attività, il-Ministru Bonnici ntwera l-impjant fiżiku tal-BioSA fi stadji differenti ta’ produzzjoni, kif ukoll l-iScanning Electron Microscope, li kien operat live b’impjant BioSA ġo fih.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici kellu wkoll l-opportunità jara l-impjant tal-MaltaHIP, l-ewwel sostituzzjoni totali tal-ġog tal-ġenbejn li qatt saret f’Malta, li tipprovdi reżistenza superjuri meta mqabbla ma’ proteżi kummerċjali. MaltaHIP ukoll sar permezz ta’ investiment ta’ €200,000 minn fondi għar-riċerka.
F'intervent li għamel, il-Ministru Bonnici faħħar din il-kollaborazzjoni, li qed twassal għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu verament itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, billi jipprovdu kura tas-saħħa aħjar u inqas invażiva.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li naraw akkademiċi u professjonisti mediċi ta’ kalibru bħal dan, jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom sabiex joħolqu soluzzjonijiet ġodda bħal dawn. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fir-riċerka, u jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn l-innovazzjoni billi jipprovdi dejjem aktar u opportunitajiet lir-riċerkaturi tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Biex jinħolqu dawn l-impjanti speċifiċi għall-pazjent, dan it-tim multidixxiplinarju, immexxi mill-inġinier tal-bijomaterjali Prof. Ing. Joseph Buhagiar, żewweġ flimkien il-medical imaging, stampar 3D, u powder metallurgy.
Prof Ing. Buhagiar spjega, li dan il-proġett wassal għall-iżvilupp ta’ impjant personalizzat għall-pazjent, imsejjaħ scaffold, li huwa metalliku u bijodegradabbli. L-iscaffolds huma strutturi ta 'appoġġ poruż li jifilħu għall-piż u fl-istess ħin jippermettu lill-għadam jikber. Il-vantaġġ li jkollok scaffold bijodegradabbli jkun li m'hemm l-ebda bżonn għal operazzjoni sekondarja biex jitneħħa l-impjant. Dan għaliex l-impjant jiddegrada ġewwa l-ġisem iżda fl-istess ħin jiġi sostitwit bl-għadam stess tal-pazjent.
Il-proġetti BioSA (R&I-2017-037-T) u MaltaHip (R&I-2015-023-T) ġew iffinanzjati mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz ta’ Fusion: The R&I Technology Development Programme.
Comments