Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Malta għaddejja minn proġett biex ittejjeb l-infrastruttura tal-informatika tagħha, permezz ta’ network ġdid li jkun kapaċi jlaħħaq mal-bżonnijiet preżenti kif wkoll dawk futuri, u hekk il-Qorti jkollha sistema li biha l-pubbliku jkun moqdi b’mod aktar spedit u effiċjenti.
“Din il-ħidma se twassal biex fl-aħħar tal-proġett ikunu tqiegħdu madwar 122 kilometru ta’ cables tal-aħħar ġenerazzjoni u jkunu twaħħlu mal-2,500 network point ġdid. Dan kollu qiegħed isir biex kemm jista’ jkun inkomplu nsaħħu u nżidu fl-effiċjenza ta’ waħda mill-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Ta’ min jinnota li kemm ilu li nbeda l-proġett min-nofs is-sena l-oħra, diġà saru mat-12,000 siegħa ta’ xogħol. Primarjament dan il-proġett ser iservi sabiex titjieb is-sistema tal-informatika, imma ma’ dan kien maħsub ukoll sabiex jiġu provduti numru ta’ network points addizzjonali li ser iservu ta’ bażi għal servizzi oħrajn, fosthom, sistema għall-camera tas-sigurtà ġdida, Wi-Fi, u sistema ta’ telefonija digitali.
Dan ix-xogħol qiegħed isir ġewwa numru kbir ta’ uffiċini, minn fejn l-impjegati kontinwament jaħdmu biex jagħtu servizz lill-pubbliku mis-27 Awla li hawn fil-Qrati, mhux biss imma dan ix-xogħol kien ukoll meħtieġ li jsir fl-istess Awli. Wieħed japprezza li dan ix-xogħol ried jitwettaq mingħajr ma jkun hemm telf ta’ ħin jew interuzzjonijiet fix-xogħol odjern tal-Qrati.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li b’xi mod tiġi mtejba l-infrastruttura tan-network tal-informatika tal-Qorti, li għal dawn l-aħħar snin kienet tinħass li mhux qiegħda tlaħħaq mal-avvanzi kbar li qegħdin iseħħu fit-teknologija tal-informatika. Wara li saru l-istudji u konsultazzjonijiet neċessarji ġie deċiż li tiġi installata infrastruttura ta’ network ġdid.
Għal dan il-għan inħarġu numru ta’ sejħiet għall-offerti sabiex isiru dawn l-installazzjonijiet infrastrutturali fil-binja tal-Qorti prinċipali, fil-bini tal-Qorti tal-Familja u kif ukoll għal xiri ta’ apparat neċessarju ieħor sabiex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett. L-investiment totali fuq dan il-proġett ser tlaħħaq is-somma ta’ €450,000.
Comments