Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnci żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li attwalment qegħdin isiru fuq il-binja tal-Università l-Antika, fil-Belt Valletta. Meta jitlesta l-proġett, se jkun jiġi restawrat total ta’ 8190m2 b’investiment ta’ aktar minn €1,500,000. Din is-somma ma tinkludix l-investiment fix-xogħlijiet interni, li l-ewwel tenders għandhom jinħarġu lejn l-aħħar ta’ din is-sena għal din il-fażi.
“B’dan l-investiment, mhux biss qegħdin nippreservaw waħda mill-binjiet prinċipali li jinsabu fil-belt kapitali storika tagħna, imma qegħdin ukoll niżguraw it-tisħiħ tal-identità nazzjonali kulturali tagħna permezz tal-preservazzjoni ta’ post monumentali. Grazzi għall-istrateġija tagħna, qegħdin inkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali u npoġġu lilna nfusna bħala destinazzjoni kulturali,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Dan il-proġett iħares lejn ir-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Binja tal-Università l-Antika. Ir-restawr tal-estern tal-Knisja tal-Ġiżwiti tlesta fl-2018. Ix-xogħlijiet attwalment għaddejjin fuq it-tessut ta’ barra tal-kulleġġ l-antik, b’xogħlijiet lesti fuq il-faċċata ta’ Triq San Pawl.
Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-faċċata li tħares lejn Triq Merkanti, b’restawr tal-faċċata li tinsab fi Triq San Kristofru jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-faċċata li tinsab fi Triq Merkanti għandha ammont kbir ta’ tikħil bis-cement fuq is-sular t’isfel, probabbli minħabba d-deterjorazzjoni kbira u li dawn preżentament qegħdin jiġu mneħħija b’għodda tal-idejn apposta biex ma jsirx danni. Il-faċċata għandha wkoll qoxra sewda li se titnaddaf, u kif ukoll hemm partijiet konsiderevoli fejn hemm ġebel iddeterjorat ħafna speċjalment fuq il-partijiet baxxi u madwar l-aperturi tat-twieqi. Ix-xogħlijiet se jinkludu wkoll ir-restawr ta’ statwi u l-pedestall tagħhom, preżenti fuq il-faċċata.
Ix-xogħlijiet proposti għal faċċata ta’ fuq Triq San Kristofru huma simili ħafna għal dawn ta’ Triq Merkanti u kif ukoll ta’ San Pawl, b’din tal-aħħar tkun il-fażi li ġiet kompluta.
Din il-parti tal-faċċata mhix parti mill-istruttura oriġinali għal bidu tas-seklu sbatax, li saret waqt li l-binja kienet għadha tintużha. Id-daħla prinċpiali attwali tal-Università l-qadima tinsab fuq din il-faċċata. Il-portiku tagħha inbena fl-1824 u huwa eżempju ta’ arkitettura neoklassika, bl-Arma Rjali tar-Renju Unit. Waqt li saru x-xogħlijiet fuq din l-intrata, instabu saffi ħomor, bojod u suwed. Bħalissa għaddejjin testijiet biex ikun hemm aktar informazjoni dwar dan. Ħafna mid-danni mal-faċċata kienu fuq il-gwarniċ u l-pilastri fejn kien hemm konċentrazzjoni qawwija ta’ qoxra sewda. Dawn irtabu b’kimiċi apposta u t-toqob ta’ ventilazzjoni, li kienu l-ideal post biex ibejtu l-ħamiem ġew imnaddfa u magħluqa b’mod li jkun hemm ventilazzjoni neċessarja u jkun hemm affarijiet li jfixlku l-ħamiem.
Id-deterjorament fil-parti t’isfel kien minħabba l-użu ta’ cemetn u ġibs. Dawn ġew imċaqalqa b’mod galbat biex jiġi evitat li jiġi ddanneġjat it-tessut ta’ taħt. L-istatwa ta’ San Stanislaus Kosta wkoll kien iddanneġjat b’mod ħażin b’inċident b’vettura u ġie restawrat u miżbugħ bħala protezzjoni. L-aperturi ġew imnaddfa, miżmuma u miżbugħa, u jinkludu ż-żewġ kanċelli fil-pjan terran.
Dan ir-restawr huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Comments