B’reazzjoni għall-pandemija globali tal-COVID-19, numru ta’ xhur ilu twaqqaf Fond gdid bl-
isem ta’ Covid-19 R&D Fund (Fond Covid-19 għar-Riċerka u l-Iżvilupp) bil-għan li grazzi
għar-riċerka għaqlija mir-riċerkaturi lokali, jinħolqu soluzzjonijiet ġodda f’dik li hija
prevenzjoni, kontroll u trażżin għal mard infettiv; kemm dak attwali u anke dak li jista’ jkun
hawn fil-futur.
Il-fond ġie maħluq b’sinerġija bejn il-Kunsill Malti ghax-Xjenza u t-Teknologija (MCST) u l-
Malta Enterprise. Dan kien l-ewwel fond tax-xorta tiegħu fl-Unjoni Ewropea u ta
opportunita’ stupenda lir-riċerkaturi tagħna li jdawru sfida f’opportunità ġdida.
F’mument li qed ngħixu bħalissa, Malta ukoll se tkun qed tagħti s-sehem tagħha biex
tiġġieled b’kull mezz kemm din il-pandemija, kif ukoll tħabbrek biex tkun ippreparata fuq
livell globali għal dawk l-isfidi li jistgħu jkunu ppreżentati fil-futur. Dan anke meta rridu
nżommu f’moħħna d-diversi varjanti li smajna dwarhom dawn l-aħħar jiem b’rabta mal-
Covid-19 u li komplew joħolqu iżjed sfidi u li dan il-fatt juri, li r-riċerka trid tkun kontinwa u
prijorità.
Il-Fond tal-R&D Covid-19 attira mas-36 applikazzjoni kemm minn entitajiet pubbliċi kif
ukoll privati f’taħlita ta’ konsorzja u applikanti individwali. Il-valur tal-finanzjament tal-
applikazzjonijiet qabeż it-€18.5 miljun li juri b’mod ċar l-interess li hemm għal skemi ta’
riċerka.
L-applikazzjonijet kienu varji, inklużi prodotti mediċi, bijoloġija molekulari u ġbir ta’ data.
B’kollox ingħażlu erba’ proġetti ta’ riċerka minn tim ta’ eżaminaturi wara proċess miftuħ
għall-valur komplessiv ta’ €3.54 miljun. Din hi l-ewwel darba li qatt ġew investiti dan l-
ammont kbir ta’ fondi għal proġetti ta’ riċerka.
Din il-ġimgħa l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara
l-Covid-19 Dr Owen Bonnici u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli
Dr Miriam Dalli għamlu konferenza fis-sit tal-MCST f’Bighi. F’din il-konferenza stampa iż-
żewġ Ministri taw dettalji dwar dawn l-erba’ proġetti ta’ riċerka li ġew magħżula.
L-erba’ proġetti li ngħataw il-fondi ivarjaw f’dik li hija riċerka importanti. L-ewwel wieħed
bl-isem ta’ ‘CoV-Plex’ mmexxi mill-Professur Godfrey Grech għandu l-għan li jiżviluppa
analiżi multiplex biex jiddetermina r-razez tas-SARS-COV-2 u traskritti speċifiċi li
jipproduċu antikorpi.
Imbagħad hemm il-proġett ‘TargetID’ li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi miri ġodda tad-droga
għal mard infettiv. Dan hu proġett taħt id-direzzjoni ta’ Dr. Stephanie Bezzina Wettinger.
Proġett ieħor li huwa ffukat fuq l-iżvilupp mgħaġġel ta’ approċċ terapewtiku innovattiv
kontra s-SARS-CoV-2 iġib l-isem ta’ ‘ACE’ u dan qed jitmexxa mill-id abbli ta’ Dr. Ruben
Cauchi.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, ingħataw fondi wkoll għall-proġett ‘SANITAS’ li jippjana li juża
soluzzjonijiet attivati mill-plażma biex tipprevjeni l-infezzjonijiet. Dan hu mmexxi mill-
Professur Vasilis Valdramidis.
“Dan huwa x-xogħol li qed nagħmlu bħala Gvern wieħed magħqud għall-ħolqien ta' eko-
sistema robusta ta' innovazzjoni f'pajjiżna”, tenna l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-
Koordinazzjoni tal-Istrateġija Wara COVID-19 Dr. Owen Bonnici f’kumment lill-midja
virtwalment fejn faħħar din il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet li wasslet għal dan
il-fond ġdid li huwa wiesa’ ħafna u ta’ tant importanza.
“Il-finanzjament lejn ir-riċerka huwa bla preċedent u jittratta aspett kruċjali li jaffettwa l-ħajja
u l-benesseri tan-nies għaliex aħna jimpurtana mill-umanità”, tenna l-Ministru Dr. Owen
Bonnici. Spjega kif permezz ta’ dan il-fond, qed isir investiment qawwi fit-talent tar-
riċerkaturi lokali li aktar minn hekk, dan kollu jkompli jixhed kemm ix-xjenza u r-riċerka
huma kruċjali għal futur aħjar.
“Wieħed jista’ jara li meta entitajiet kbar f’pajjiżna bħall-MCST u Malta Enterprise
jikkollaboraw flimkien, il-prodott finali jkun aktar effettiv u jkomplu jsaħħu l-bażi tar-riċerka
għall-benefiċċju komuni,” sostna Dr Bonnici.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli qalet li
b’riżultat ta’ dan l-investiment se twassal għal għajnuna diretta lill-pazjenti u ssaħħah il-
ġlieda kontra l-mard infettiv.
“L-impenn tagħna huwa li nkomplu nsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna għax teżisti
opportunita b’potenzjal enormi. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp joffri opportunita
ekonomika ġdida li se nkomplu naħdmu fuqha. Joffri wkoll proġetti b’impatt pożittiv fuq il-
bniedem, biex bħall-qasam tas-saħħa jwassal għall-soluzzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għall-
pazjenti,” qalet Dr Dalli. “L-investiment kontwinwu fir-riċerka u l-iżvilupp fl-oqsma
differenti jwassluna għall-opportunitajiet ġodda u għalhekk il-Malta Enterprise hija
kommessa li tibqa’ tassisti proġetti innovattivi fil-qasam imprenditorjali.”
Dan il-ġurnal jemmen li permezz tar-riċerka tinħoloq ukoll sostenibbilità fis-soċjetà tagħna u
huwa għalhekk, li r-riċerka innovattiva trid tkompli tkun fuq quddiem tal-aġenda tal-pajjiż.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt
Farrugia u ċ-chairman tal-MCST, Dr Jeffrey Pullicino Orlando.
Dr Pullicino Orlando qal li “is-sena l-oħra l-Kunsill ħa f’idejh din l-inizjattiva ġdida. Hekk
kif kellna l-ewwel żviluppi tal-pandemija, deher b’mod ċar li l-isfidi u d-diffikultajiet
nazzjonali u globali li feġġew, setgħu jingħelbu biss permezz tar-riċerka. Sibna ruħna
f’sitwazzjoni bla preċedent, u waqt diskussjonijiet mal-Malta Enterprise, ħassejna l-ħtieġa li
noħolqu dan il- programm ta’ fondi. Il-fond tal-COVID-19 R&D hu speċifikament immirat
biex jixpruna investiment għal soluzzjonijiet li jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni kif ukoll fil-
kontroll ta’ mard infettiv.”
Żied jgħid li “kollaborazzoni bħal din hija eżempju ta’ kif entitajiet governattivi jistgħu
jingħaqdu sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni. B’hekk l-isforzi jkunu aktar effettivi u
mmirati li jsaħħu l-importanza tar-riċerka bħala waħda mill-prijoritajiet tal-pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal: “Qed ngħarfu li ix-xenarju post-
Covid, irid ikompli jiffoka fuq l-investiment fir-riċerka. Speċifikament ricerka li tindirizza
setturi li verament huma ta’ kontribut lejn is-sostenibbilita’ fis-soċjeta’ tagħna. Nistiednu lir-
ricerkaturi tagħna biex iħarsu lejn aspetti ta’ kundizzjonijiet mediċi komuni f’ pajjiżna. Tajjeb
li nkomplu nanalizzaw it-tibdil fil klima, u iktar u iktar importanti għalina l-Maltin l-impatt li
qed jeperjenza l-baħar u l-ekosistema tiegħu.
“Riċerka fuq kif nippjanaw l-iżvilupp urban, u s-sigurta’ tal-ikel, għaliex nafu kemm
niddependu fuq dawn il-fatturi. Ricerka li toħodna ’l quddiem għal-irkupru ekonomiku u
sostennibli, imma wkoll li ssaħħaħ l-kwalita tal-ħajja tagħna.”
Il-proġetti jinsabu fil-fażi bikrija tar-riċerka u huma mistennija li jitlestew fi żmien 12 u 18-il
xahar.
Comments