top of page

Inwettqu Flimkien: Il-gvern jimplimenta wegħda biex iħares il-kontribut tas-soċjetajiet mużikali

Inwettqu Flimkien: Il-gvern jimplimenta wegħda biex iħares il-kontribut tas-soċjetajiet mużikali fil-kultura Maltija


Il-gvern qed jakkwista l-proprjetajiet tal-każini tal-banda f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament. Dan bil-għan li jipproteġi t-tradizzjonijiet tal-każini tal-banda u l-valur kulturali tagħhom f’Malta.

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali ħabbar li l-gvern laħaq ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-bini ta’ dawn is-soċjetajiet:

1. Każin Banda Stella Maris - Tas-Sliema,

2. Anici Banda & Social Club – Ħal Qormi,

3. Socjeta Fil. GM Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re – Paola,

4. Circolo San Giuseppe Sagra Familja - Kalkara,

5. La Stella Levantina – Ħ’Attard,

6. Każin Banda Marija Reġina – Marsa.

Fil-każ tal-Każin Banda Stella Maris, il-proċess ta’ akwiżizzjoni ġie totalment konkluż, waqt li fir-rigward tal-proprjetajiet l-oħrajn ġie ffirmat konvenju jew jinsabu fil-proċess li jiġi ffirmat konvenju mas-sidien rispettivi wara li ntlaħaq formalment qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-bejgħ.

Il-Ministru Owen Bonnici esprima l-impenn tal-gvern li jipproteġi l-każini tal-baned minħabba l-importanza soċjali u kulturali tagħhom fil-komunitajiet tagħna.

“Dan sar permezz ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ skemi varji u anke permezz ta’ impenn għall-akkwisti tal-proprjetajiet li bħalissa qed jintużaw mill-każini tal-banda rispettivi sabiex tkun tista’ tingħata assigurazzjoni ta’ kera fit-tul,” irrimarka l-Ministru Bonnici waqt li semma li qed tingħata attenzjoni biex il-gvern jirċievi kirja ġusta.

“Irridu ngħinu lil dawn is-soċjetajiet filwaqt li jintlaħaq ukoll bilanċ mal-interessi tal-gvern li jara li jkollu dħul xieraq għal dan l-investiment li qed isir,” spjega l-Ministru Bonnici.

Barra minn hekk, il-Ministru Bonnici saħaq li l-gvern huwa kommess li jippromwovi l-elementi soċjali fi ħdan il-każini tal-banda biex jissaħħu inizjattivi fi ħdan il-komunità mmirati lejn l-inklużjoni, it-tagħlim u l-preservazzjoni tal-ħiliet tradizzjonali marbuta mal-festa tar-raħal.

“Il-Kunsill tal-Arti Malti għandu rwol ċentrali fis-salvagwardjar ta’ elementi tal-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna, u permezz ta’ dawn l-akkwisti bħala kunsill qed nindirizzaw waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija 2025, it-trawwim tal-espressjoni artistika u kulturali diversa. Filwaqt li ninvestu wkoll f’diversi forom ta’ arti permezz tal-istrateġija tagħna u l-iskemi ta’ finanzjament li jindirizzaw oqsma diversi tas-settur kulturali u kreattiv, qed nipproteġu wkoll it-tradizzjonijiet tagħna li jiffurmaw parti mill-pjattaforma soda li fuqha huwa mibni s-settur”, qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malta Albert Marshall.

Sabiex tkun żgurata konsistenza u attenzjoni immedjata għal din l-inizjattiva li qed titwettaq b’investiment ta’ €6 miljun, il-Bord tat-Tmexxija tal-Każini tal-Banda, immexxi minn James Pearsall, twaqqaf fi ħdan Arts Council Malta u qed jamministra x-xogħol relatat mal-akkwisti taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali.

Qed isiru negozjati oħrajn ma’ sidien ta’ soċjetajiet mużikali oħra li, bl-istess mod, qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament.







Comentarios


bottom of page