top of page

Ippreżentat il-Padiljun Malti għat-58 edizzjoni tal-Biennale di Venezia



Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ppreżenta l-Padiljun Malti li permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna waqt it-58 edizzjoni tal-Biennale di Venezia.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “il-parteċipazzjoni ta’ din is-sena waqt il-Biennale di Venezia tkompli ssaħħaħ il-viżjoni ta’ Malta tal-internazzjonalizzazzjoni tal-arti u l-kultura, li bħala riżultat toħroġ l-aspett essenzjali tal-istrateġija fdata lill-Kunsill Malti għall-Arti fl-2015 mill-Ministeru. Din l-istrateġija għandha l-għan li tinkoraġixxi u tippromwovi b’mod attiv is-setturi kulturali u kreattivi f’perspettiva wiesgħa ta’ attività soċjo-ekonomika kemm fuq livell nazzjonali u kif ukoll internazzjonali.”


Il-Biennale di Venezia huwa wieħed mill-aktar wirjiet tal-arti kontemporanja fid-dinja, u Malta għal darb’oħra se tkun qiegħda tipparteċipa bil-Padiljun tagħha waqt it-58 edizzjoni ta’ din il-wirja internazzjonali tal-arti.


L-artisti Klitsa Antoniou, Trevor Borg u Vince Briffa se jkunu qegħdin jirrappreżentaw lil Malta waqt il-Biennale Arte 2019 bil-wirja Maleth/ Haven/ Port- Heterotopias of Evocation.

Il-Padiljun Malti, ikkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti u kkurat mill-istudjuż tal-istorja Dr Hesperia Iliadou-Suppiej, hu ispirat mill-Odissea, waħda mill-eqdem stejjer tal-umanità. Il-Perit Matthew Casha u l-manager tal-produzzjoni George Lazoglou, huma parti wkoll mit-team.


Il-wirja se tħares lejn ir-realtà u l-invenzjoni fittizja, biex tipprovdi interpretazzjoni mill-ġdid b’mod kontemporanju u immseriv tal-bżonn li dejjem infittxu Haven (Maleth), li l-aktar jinħass fi żmien ta’ kriżi.

Il-kelma Feniċjana Maleth tevoka oriġini primordjali tal-eżistenza ta’ Malta, u b’mod litterali tiġi tradotta għal post ta’ kenn/port, kwalità ispirata f’dawk kollha li qasmu l-ilmijiet Mediterranji matul iż-żmien u li għadha tgħodd sal-lum.


Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal, “li l-Kunsill Malti għall-Arti hu kuntent li l-artisti Klitsa Antoniou, Trevor Borg, u Vince Briffa se jirrappreżentaw lil Malta flit-58 edizzjoni tal-wirja tal-arti internazzjonali f’Venezja, taħt il-kuratriċi Dr Hesperia Iliadou-Suppiej. Din il-wirja se tħares lejn il-pożizzjoni unika ta’ Malta fiċ-ċentru tal-kultura Mediterranja mil-lati storiċi, mitiċi u kontemporanji permezz ta’ xogħlijiet ġodda kkummissjonati li jwegħdu vjaġġ immexxi mill-kurżità għall-iskoperti u riflessjoni dwarna nfusna.”


Il-Kunsill huwa kommess lejn Ewropa li mhux biss hija proġett ekonomiku imma wkoll għal Ewropa fejn il-kultura saret aspett essenzjali għall-istrateġiji tal-Unjoni dwar l-integrazzjoni u l-identità kulturali. Is-settur kulturali Malti, bħal fil-bqija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, qiegħed jaħdem biex jirrispondi għall-isfidi preżenti ta’ ambjent li dejjem qiegħed jinbidel bl-impatt ta’ media ġdida, udjenza li dejjem tinbidel, globalizzazzjoni, tekonoloġija ġdida, u Intelliġenza Artifiċjali fost l-oħrajn.


Din is-sena, il-Kunsill flimkien mal-artisti se jkun qiegħed imur pass ’il quddiem billi ta workshops lil studenti f’Malta u f’Ċipru dwar il-Biennale, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.


Il-Padiljun Malti għandu l-appoġġ tal-Bank of Valletta, Visit Malta - Ministeru għat-Turiżmu, Sullivan Maritime u Grimaldi Group. L-artisti għandhom l-appoġġ ta’ Heritage Malta, Malta Film Studios, id-Dipartiment tal-Arti Diġitali u Manifattura Industrijali u Inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-Omega TV Channel Cyprus.



Comments


bottom of page