top of page

Ippubblikata l-Istrateġija tal-Kottonera



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Kordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield ippubblikaw online Strateġija tal-Kottonera wara perjodu ta’ konsultazzjoni u approvazzjoni mill-Kabinett.

Il-Minsitru Bonnici qal li l-Gvern għandu l-għan li jkompli jassigura li ċ-ċittadini tal-Kottonera jkollhom ħajja aħjar u ż-żona timxi ’l quddiem.


Hu għamel referenza għall-fatt li l-Istrateġija se tħares lejn ir-restawr tal-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera, kif ukoll għal xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni, fost l-oħrajn, biex inkomplu ntejbu din il-parti ta’ pajjiżna.


“Dan kollu, se jwassal għat-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Kottonera, li se tkun qiegħda tieħu ħsieb il-kordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Grazzi għal dan, qegħdin niżguraw li dawn l-inizjattivi jitwasslu minn ġenerazzjoni għall-oħra, għall-benefiċċju tal-komunità. Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu nistgħu nirriġeneraw dawn il-lokalitajiet storiċi, bħalma għamilna bil-Belt Kapitali tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.


L-istrateġija għall-Kottonera hija għan-nies u magħmula minn nies qal id-Deputat Parlamentari Glenn Bedingfield responsabbli mill-istrateġija għall-Kottonera li kienet ippublikata illum. Matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika kien hemm mal-200 sottomissjoni li kienu kkunsidrati għad-dokument finali li kien approvat mil-Kabinett fil-ġimgħat li għaddew.


Glenn Bedingfield qal “it-tħejjija tad-dokument kienet l-aktar ħaġa faċli, issa jibda l-iebes, l-implementazzjoni ta’ dak li hemm miktub permezz tal-Fondazzjoni Kottonera li se titwaqqaf fiż-żmien li ġej.” Fost il-proġetti u xogħlijiet importanti hemm programmi soċjali, restawr ta’ swar u fortifikazzjonijiet, konnettività bil-baħar aħjar mal-Belt, spazji miftuħa, ġonna ġodda u faċilitajiet sportivi u ta’ rikreazzjoni.


Il-gvernijiet lokali tat-tliet ibliet u l-Kalkara se jkunu soċji importanti biex tirnexxi din l-istrateġija li trid tara Kottonera ta’ għada li tkun aħjar minn tal-llum, qal Glenn Bedingfield.

L-istrateġija tal-Kottonera hija disponibbli hawn: https://justice.gov.mt/mt/Documents/KottoneraStrategyDocumentMt.pdf



コメント


bottom of page