Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda l-linji gwida dwar il-piż u l-ġarr ta’ basktijiet tal-iskola. Dawn il-linji gwida qegħdin fil-proċess ta’ konsultazzjoni, proċess li huwa miftuħ sal-aħħar ta’ April 2020.
“Waħda mill-miżuri tal-baġit tal-2020 tħares lejn il-piż tal-basktijiet tal-iskola, kwistjoni li ilha magħna mill-inqas għal dawn l-aħħar għoxrin sena u jeħtieġ li din tiġi ndirizzata,” qal il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija. “Huwa essenzjali li niżguraw li nieħdu ħsieb l-istudenti tagħna, u permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida nistgħu nkomplu naħdmu lejn pjan ħolistiku mmirat għall-benesseri tal-istudenti tagħna. Piż eċċessiv fil-basktijiet tal-iskola jista’ jkollu impatt negattiv fuq id-dispożizzjonijiet u s-saħħa tat-tfal u huwa għalhekk li d-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi ħareġ b’dawn il-linji gwida sabiex l-iskejjel, l-istudenti u l-ġenituri jkunu jistgħu jirrimedjaw din il-kwistjoni,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Riċerka li kienet twettqet mill-Assoċazzjoni tal-Fiżjoterapisti Maltin b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol indikat li l-maġġoranza tal-istudenti mill-kampjun rappreżentattiv li ħadu sehem f’dan l-istudju kienu qegħdin jerfgħu piż li jaqbeż dak rakkomandabbli.
Dan l-istudju, li sar fost studenti li huma bejn it-8 u t-13-il sena, indika li aktar minn 70% tal-parteċipanti kienu qegħdin jerfgħu basktijiet li jaqbeż il-piż rakkomandat b’10% tal-piż tagħhom stess.
Studji oħra li saru mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol urew x’jagħmel il-basket tqil, u fosthom kien hemm il-ġarr ta’ kotba tal-iskola segwit minn files u fliexken tal-ilma. Għalhekk, tfassal programm tal-installar tad-drinking water fountains kif ukoll ta’ lockers fl-iskejjel (statali).
Il-linji gwida ppubblikati għandhom l-intenzjoni li jkomplu jżidu aktar għarfien fuq il-kwistjoni nnifisha, u biex jipprovdu indikazzjonijiet konkreti ta’ kif għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni. L-iskejjel u l-edukaturi qed jiġu inkoraġġuti li jsegwu l-linji gwida.
Il-linji gwida huma maqsuma fi 3 sezzjonijiet, waħda għall-iskejjel, oħra għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, u oħra għall-ġenituri.
L-iskejjel huma inkoraġġuti li jużaw timetable u jippruvaw li jkollhom lezzjonijiet fi kmamar qrib xulxin jekk it-tifsila tal-iskola tippermetti. Minflok iġibu files – qiegħed jiġi rrakomandat li l-istudenti jġorru karti farrada mdaħħlin f’folders tal-plastik ħfief u jiġu mgħallma kif jinqdew bihom sew. L-għalliema huma inkoraġġuti li jevitaw li jqassmu materjal mehmuż f’daqqa ta’ sena sħiħa, u jagħmlu użu mit-teknoloġija diġitali.
Il-lockers jgħinu biex jonqos it-toqol mill-basket tal-iskola, kif ukoll il-water drinking fountains, jekk dawn ikunu installati f’postijiet xierqa li faċilment jiġu sorveljati. L-iskejjel huma inkoraġġuti li joħolqu politika tagħhom dwar il-kwistjoni.
L-istudenti huma inkoraġġuti li jevitaw li jieħdu kotba magħhom l-iskola li ma jkollhomx bżonn u li jpoġġu t-tablet fil-bagalja ż-żgħira pprovduta apposta. Il-linji gwida jagħtu wkoll pariri l-istudenti fuq kif jippakkjaw il-basket tagħhom billi jqiegħdu l-itqal oġġetti l-eqreb kemm jista’ jkun tad-dahar u ma jġorrux oġġetti mhux neċessarji.
Il-ġenituri huma inkoraġġuti li jevitaw kaxex tal-ikel kbar, li jiċċekjaw it-timetable tat-tfal biex dawn ma jieħdux affarijiet żejda magħhom u li jfittxu kotba tal-iskola użati jew kotba li diġà nxtraw minn familjari biex iżommuhom id-dar, b’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jżommu kopja l-iskola. Huma wkoll inkoraġġuti li jixtru basktijiet iddisinjati sew u jgħinu lit-tfal jaddotaw mod ta’ rfiegħ korrett.
Il-linji gwida tista’ tarahom minn hawn: https://education.gov.mt/en/Pages/Guidelines-Weight-Schoolbags.aspx
Suġġerimenti dwar il-linji gwida għandhom jintbagħtu fuq raymond.j.camilleri@gov.mt
Commentaires