top of page

Ir-Riforma dwar il-liġi tal-Kannabis




Dan kollu li qed naghmlu hu mizura b'sahhitha ta' harm reduction.

Ir-Riforma dwar il-liġi tal-Kannabis


Dil-ġimgħa l-Parlament Malti beda jiddiskuti l-proposta ta’ qafas legali ġdid dwar l-użu responsabbli tal-kannabis. Tkellimna ftit mal-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onorevoli Owen Bonnici dwar ix-xogħol li sar s’issa f’dan ir-rigward. Il-Ministru qalilna, “Fit-30 ta’ Marzu 2021 li għadda ġiet imnedija White Paper dwar il-Qafas Legali dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, imbagħad abbażi ta’ din il-White Paper saret konsultazzjoni pubblika. Mill-ewwel deher li dan huwa suġġett li jqanqal ħafna interess, fil-fatt kien hemm 350 sottomissjoni sakemm il-proċess għalaq formalment f’Mejju li għadda.”


“Matul is-sajf li għadda mbagħad,” kompla l-Ministru Bonnici, “beda u tlesta x-xogħol fuq l-abbozz waqt li baqgħu għaddejjin diversi konsultazzjonijiet, għax ridna li nisimgħu l-ideat u s-suġġerimenti ta’ kull min b’xi mod jista’ jkun involut. Eventwalment, l-abbozz ġie diskuss f’livell ta’ Kabinett u approvat. Minn hemm imbagħad, nhar l-4 t’Ottubru, 2021 sar l-Ewwel Qari tal-Abbozz biex b’hekk inbeda l-proċess leġiżlattiv.”


L-għan ta’ din ir-riforma Jaħdem fuq dan l-abbozz kien hemm tim sħiħ magħmul minn esperti legali, xjenzati u nies li ġejjin minn setturi oħra. Staqsejna għalhekk lill-Ministru Bonnici dwar l-għan ta’ din ir-riforma. Il-Ministru qalilna, “Dan li qed nagħmlu għandu l-għan li jiddikriminalizza b'mod limitat l-użu

responsabbli tal-Kannabis u li joħloq sorsi regolarizzati minn fejn persuna tista' tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis.”


“Iktar importanti minn hekk,” saħaq il-Ministru, “Irridu li nnaqqsu t-tbatija, l-umiljazzjoni u t-tneħħija ta’ drittijiet oħra li ħafna persuni li jużaw il-kannabis għaddew minnha, meta ġew sottomessi għal proċeduri ta’ arrest u proċeduri ġudizzjarji fuq pussess ta’ ammonti żgħar, u fl-istess waqt nipprovdu wkoll għat-teħid ta’ prekawzjonijiet sabiex jiġu protetti l-minuri, u l-pubbliku in ġenerali.”


“Permezz ta’ din ir-riforma, l-Gvern huwa determinat li jattakka ċ-ċrieki ta’ traffikar tal-kannabis, il-black market, il-ħsara li tiġi minn kwalita’ inferjuri u l-kriminalita li huma assoċjati magħha. Ma rridux li nħallu sitwazzjoni fejn persuna li tixtieq tagħmel użu responsabbli minn ammonti żgħar ta’ kannabis ikollha tiċċappas mal-kriminalita,” kompla jgħidilna l-Ministru Owen Bonnici.


Il-Ministru għamilha ċara li l-Gvern ma jrid bl-ebda mod li jinċentiva kultura tal-kannabis jew il-konsum tal-kannabis, imma din ir-riforma qed issir bħala miżura b’saħħitha ħafna ta’ harm reduction,“biex innaqqsu d-dannu li jsir jekk ma nagħmlu xejn”.


Insaħħu l-ħidma kontra l-vizzji


“Mhux talli ma rridux ninkoraġġixxu l-konsum,” kompla l-Ministru Bonnici, “Iżda se nibqgħu

għaddejjin b’mod iffukat ħafna b’kampanji edukattivi kontra l-abbuż mis-sustanzi. Bħala Gvern anzi, komplejna nsaħħu l-isforzi tagħna anke permezz ta’ ftehim mal-Ministeru responsabbli mill-politika soċjali fejn nidejna l-kampanja “No B***, Just Facts” fejn jingħataw fatti ċari dwar id-droga. Nedejna wkoll skema għall-NGOs biex jesponu messaġġi ta’ għarfien fil-faċilitajiet tagħhom fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, intenzjonati biex iħajru liż-żgħażagħ jagħmlu għażliet oħra għal saħħithom bħalma hu l-

isport jew l-arti.”


“Għadna kemm varajna wkoll ftehim ta’ 3 snin mal-FSWS – Sedqa, b’investiment b’saħħtu ta’ miljun Ewro biex ikompli x-xogħol li qed isir diġa fl-iskejjel primarji u sekondarji kif ukoll tiżdied il-preżenza fi skejjel terzjarji u fuq il-post tax-xogħol. Dan il-ftehim apparti taħriġ lill-pubbliku ġenerali ser ikun qed iqajjem aktar għarfien dwar is-servizzi ta’ ‘Outreach’ u servizzi oħra bbażati fil-Komunità offruti lil individwi bi problemi relatati mal-abbuż ta’ sustanzi u dipendenzi oħra,” kompla jsostni l-Onorevoli Bonnici.


“Dan hu Gvern li jisma’, jieħu d-deċizjonijiet u jaġixxi skont il-bżonn. Aħna l-isfidi ma nitfgħuhomx taħt it-tapit, jew nibqgħu siekta dwarhom. Ir-riformi u l-bidliet huma fil-qofol ta’ kif naħdmu u kif irridu li pajjiżna jkompli jimxi ‘l quddiem għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” temm jgħidilna l-Ministru.


X’tgħid ir-riforma?

1. Pussess ta’ kannabis f’ ammont sa seba’ grammi għall-użu personali minn persuna ta’ 18-il

sena jew aktar mhux se jkun reat, mhux se jagħti lok għal proċeduri la fil-qorti u lanqas

quddiem il-Kummissarju Għall-Ġustizzja, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi li jqanqlu

suspett raġonevoli ta’ traffikar.


2. Pussess ta’ ammont sa seba’ grammi ta’ kannabis minn persuna ta’ taħt it-tmintax -il sena

għall-użu personali jwassal biex dik il-persuna tiġi mħarrka biex tidher quddiem il-

Kummissarju għall-Ġustizzja sabiex jiġi rakkomandat lilha pjan ta’ kura.


3. Pussess għall-użu personali ta’ kannabis fi kwantita ta’ izjed minn seba’ grammi sa tmienja u għoxrin gramma jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju Għall-Ġustizzja u penali ta’ bejn ħamsin (50) u mitt (100) ewro u għall-konfiska tal-kannabis. Dan ukoll ma jagħtix lok għall-arrest sakemm ma jkunx hemm suspett raġjonevoli ta’ traffikar.


4. Konsum ta’ kannabis fil-pubbliku (ħlief jekk persuna tkun awtorizzata għal skopijiet mediċi) jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għallĠustizzja u penali ta’ €235.


5. Konsum ta’ kannabis quddiem persuna taħt it-18-il sena (kemm jekk fil-pubbliku u kemm

jekk fil-privat) jagħti lok għal proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u penali ta’

bejn 300 u 500 ewro.


6. Jistgħu jitħallsu online fil-minimu tagħhom il-penali l-oħra dwar pussess mhux permess (sa 28 gramma) jew tipjip fil-pubbliku meta imposti fuq persuni ta’ ‘l fuq minn tmintax -il sena.


7. Se tkun permessa l-koltivazzjoni fil-post tar-residenza ta’ massimu ta’ erba’ pjanti tal-

kannabis (irrispettivament min-numru ta’ residenti). Din trid issir b’mod illi l-pjanti ma

jkunux jidhru minn postijiet oħra.


8. Se jkun permess illi wieħed iżomm sa 50g ta’ kannabis imnixxef fil-post ta’ residenza. Jekk il-kannabis imnixxef jaqbeż il-ħamsin gramma din tinqabad mill-Pulizija u jittieħdu passi dwar il-pussess.


9. Se jkun permess illi jsiru Assoċjazzjonijiet li huma organizzazzjonijiet li l-iskop tagħhom ikun li jikkoltivaw il-kannabis biex iqassmuha fost il-membri. Dawn l-organizzazzjonijiet iridu

jaħdmu bħala ‘non-profit organizations’ u ħadd taħt it-18 –il sena ma jista’ jkun membru

tagħhom jew ikun preżenti f’ xi post immexxi minnhom. Ħadd ma jista’ jkun membru ta’

iżjed minn organizzazzjoni waħda ta’ dan it-tip.


10. Hemm limitazzjoni tan-numru ta’ membri tal-organizzazzjoni (500) u tal-ammont ta’

kannabis li jista’ jitqassam lil kull membru (mhux aktar minn 7 grammi kuljum b’ massimu ta’ 50 gramma kull xahar). Lorganizzazzjoni tkun tista’ tqassam ukoll sa 20 żerriegħa tal-pjanta kannabis lil kull membru kull xahar.


11. L-organizzazzjoni fl-ebda waqt ma jista’ jkollha, f’xi fond immexxi minnha jew fil-pussess

tagħha aktar minn 500g ta’ kannabis imnixxef.


12. Il-postijiet immexxija minn dawn l-organizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu f’anqas minn 250 metru minn skola, club jew ċentru taż-żgħażagħ u ebda indikazzjoni b’ sinjali, kliem jew

disinji jew mod ieħor ta’ attivitajiet relatati mal-kannabis jew mal-kultura tal-kannabis ma

jkunu jistgħu jintwerew minnhom.


13. L-organizzazzjoni għandha tassikura illi l-preżenza ta’ post immexxi minnha ma jikkaġunax fastidju fil-lokalita fejn ikun, inkluż ukoll fastidju bi tlajjar.


14. L-organizzazzjonijiet iridu jkunu reġistrati u mogħtija permess mill-Awtorità dwar l-Użu

Responsabbli tal-Kannabis li hija awtorita li se titwaqqaf bl-istess Att u li se taġixxi ta’

regolatur tas-settur.


15. Iridu jsegwu l-ordnijiet tal-Awtorita’ dwar kemm jikkoltivaw kannabis, fejn inixxfuha u kif

jittrasportawha. L-Awtorità twettaq ukoll kontrolli dwar il-kwantita u l-kwalita ta’ kannabis

imqassma.


16. Kull tliet xhur l-organizzazzjonijiet iridu jagħtu rendikont tal-attivita’ tagħhom, kif ukoll tan-numru ta’ membri (mingħajr ma jiżvelaw isimihom) lill-Awtorità.


17. Is-sidien, it-tmexxija u s-sħubija tal-organizzazzjonijiet ikunu jikkonsistu biss f’individwi u ma għandhomx jinkludu persuni ġuridiċi jew entitajiet legali oħra.


18. L-Abbozz jipproponi li titwaqqaf l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis li se

tirregola s-settur b’mod illi twettaq ukoll miżuri edukattivi, ta’ kuntatt mal-persuni b’

interess fis-settur u ta’ harm reduction.


19. Huwa propost ukoll tibdil fid-definizzjoni ta’ “kannabis” (li preżentament il-liġi tirreferi għalih bħala “Qanneb Indjan”) b’ mod illi ma tinkludix iż-żerriegħa tagħha, jew prodotti tal-

kannabinojdi li ma jkunx fihom iktar minn zero punt tnejn (0.2) fil-mija ta’

tetrahydrocannabinoil (THC).


20. Min instab ħati minn Qorti ta’ reat li se jkun qed jiġi depenalizzat se jkun jista’ jneħħi s-

sentenza mill-kondotta tiegħu b’ talba bil-miktub.




Comments


bottom of page