F’pajjiżna ttieħdet id-deċiżjoni politika li jiġi stabbilit ministeru ġdid dedikat kompletament għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Istrategija post-COVID. Il-messaġġ li joħroġ minn din id-deċiżjoni hu wieħed ċar: li t-tiġdid ekonomiku għandu rabta b’saħħitha ħafna mat-tisħiħ tal-investiment tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Dan qalu l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Wara COVID-19 Owen Bonnici f’laqgħa virtwali li saret illum fost il-Ministri tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea.
Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Bonnici saħaq li hu kruċjali li jkun hemm miri ċari fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ Riċerka dwar kemm għandhom ikunu l-livelli ta’ riċerka u innovazzjoni. Madanakollu, huwa saħaq li għandu jkun hemm il-flessibilità meħtieġa sabiex kull pajjiż individwali jiddetermina l-pjani tiegħu.
Il-Ministru Bonnici nnota li hemm disparitajiet sostanzjali fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea tant li dawk l-istati membri li għandhom l-inqas għodod jipparteċipaw biss f’5.6% tal-attivitajiet u strumenti ta’ Horizon 2020.
Huwa qal li l-Framework Programme għandu jkun kalibrat aħjar għall-benefiċċju ta’ dawk l-istati membri li għandu jkollhom iktar attività f’dawn iż-żewġ oqsma importanti. Dan, qal il-Ministru Bonnici, huwa iktar importanti meta wieħed iqis l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Il-Ministru Bonnici saħaq li fid-dawl tal-isfidi, il-qofol tal-istrateġija għal wara l-COVID-19 għandu jkun l-investiment fir-riċerka u innovazzjoni. It-tranżizzjoni favur tiġdid diġitali u ambjentali ma tistax tinkiseb jekk l-ekonomija tagħna ma tkunx preparata għall-futur bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Huwa temm jgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tagħti s-sostenn tagħha b’rispett lejn l-ekosistemi ta’ kull pajjiż.
コメント