top of page

Is-saħħa ta’ uliedna hija prijorità



Għidtha diġa u ma niddejjaqx nirrepeti. Għalina l-Maltin u l-Għawdxin fejn jidħlu uliedna, saħħithom u l-edukazzjoni tagħhom, nagħmlu minn kollox. Ma nġibu xejn qabel dawn it-tlett prijoritajiet fil-ħajja personali tagħna. U għalhekk minn meta madwar id-dinja bdiet tfaqqa’ l-aħbar tal-COVID-19, it-terminu mediku tal-coronavirus, ma setax jonqos li bħala ministeru, nibdew mall-ewwel naraw kif din is-sitwazzjoni setgħet taffettwa l-għeżież tagħna.

Ma qadnix b’idejna fuq żaqqna nistennew. Imma bdejna mall-ewwel b’ħidma ta’ prevenzjoni. U dan għamilnieħ ma’ sħabna l-Ewropej, li ntlaqtu ferm qabilna, u wkoll għamilnieħ ma’ sħabna tal-Awtorità tas-saħħa.


Mall-ewwel intenni l-apprezzament tiegħi għal dawn il-ħaddiema bieżla li f’sitwazzjoni ta’ pressjoni fuqhom qed jagħmlu l-impossibbli. Kif ukoll nestendi l-apprezzament għall-edukaturi kollha u l-ħaddiema kollha tal-ministeru li id f’id qed naħdmu f’dawn iż-żminijiet diffiċli għalina lkoll.


Minn meta faqqgħet din is-sitwazzjoni, li wara ġiet klassifikata bħala pandemija mill-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa, bħala Ministeru konna l-ħin kollu f’kuntatt mhux biss mal-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali, imma personalment kont il-ħin kollu f’kuntatt mall-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex flimkien niddiskutu s-sitwazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u kif il-coronavirus kienet qed taffettwa dan is-settur.


U minn hemm bdejna nieħdu d-deċiżjonijiet. B’mod meqjus, b’mod responsabbli, mingħajr ma’ noħolqu allarm bla bżonn, imma b’saħħet it-tfal dejjem fuq quddiem.

Bħala Gvern bdejna naġġornaw lill-poplu b’informazzjoni u deċiżjonijiet marbuta mas-sitwazzjoni dinjija. Bdejna pass pass. Għaliex fejn jidħlu sitwazzjonijiet bħal dawn, nuqqas ta’ deċiżjoni hija ħażina daqs kemm hija deċiżjoni meħuda qabel il-waqt.


U meta kien il-waqt li nieħdu deċiżjoni dwar uliedna – dwar l-iskejjel, ħadniha wkoll mingħajr ma qadna nqisu xejn għajr dak li huwa tajjeb għat-tfal studenti tagħna. Il-Ħamis għalhekk ingħaqadt mal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, u fost oħrajn tkellimna dwar is-settur tal-Edukazzjoni.


Huma deċiżjonijiet iebsa, imma responsabbli u dan juri maturità ta’ gvern li b’kabinett magħqud qed ipoġġi fuq quddiem l-interess tal-poplu Malti.


Kien għalhekk li ħassejna li bil-mod kif kienet qed tiżviluppa s-sitwazzjoni, b’effett minn nhar il-Ġimgħa ngħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi kollha kemm l-iskejjel primarji u sekondarji, post-sekondarji u terzjarji u allura l-Università ta’ Malta. Se jingħalqu wkoll iċ-childcare centres sa nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu. Dakinhar terġa’ tingħata informazzjoni jekk il-perjodu ta’ għeluq hux se jkun estiż jew le abbażi tas-sitwazzjoni ta’ dakinhar.


Imma dan ma kienx l-ewwel pass. Bdejna mall-ewwel nieħdu ħsieb. Fil-kulleġġi, skejjel u stituzzjonijiet kollha l-Ministeru mall-ewwel ħa ħsieb biex jitqassmu l-handsanitizers fejn tqassmu 2,300. Dan apparti li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha mall-ewwel kienu nfurmati permezz ta’ ċirkolarijiet interni b’kull deċiżjoni u wkoll informazzjoni relatata, dejjem id f’id mall-Awtoritajiet tas-Saħħa.

F’dan kollu kienet u għada mportanti wkoll il-komunikazzjoni. Qed jinżamm kuntatt kontinwu wkoll mal-unjins li jirrappreżentaw il-ħaddiema fis-settur tal-edukazzjoni. F'dan is-sens nesprimi sodisfazzjon li ntlahħaq qbil mal-MUT għal twaqqif ta' task force li se tieħu ħsieb tara l-impatt fuq il-kurrikulu u kif ukoll tara li jintużaw mezzi online ta' kif jista' jitkompla ċertu tagħlim bis-saħħa tal-informatika f'dan il-perjodu temporanju.


Tħabbru wkoll restrizzjonijiet f’attivitajiet tal-massa, u b’effett immedjat intalab li fejn hemm attivitajiet tal-massa dawn ma jsirux sakemm mhux għax ikun hemm il-bżonn – u dan japplika wkoll għall-qasam sportiv.


Dak li sar huwa messaġġ ċar li s-saħħa ta’ uliedna hija prijorità u tiġi qabel kollox. F’dak li huwa għeluq tal-iskejjel bħala pajjiż aħna ninsabu f’minoranza minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li għalqu l-iskejjel, fil-fatt 8 biss għamlu dan, u dan qed isir għax is-saħħa tat-tfal u l-istudenti verament tiġi l-ewwel.


Il-gvern qed ikun responsabbli u qed jagħmel il-parti tiegħu b’mod mitqies. L-appell huwa għall-ġenituri li jerfgħu responsabbiltà fejn jidħlu mhux biss uliedhom imma wkoll il-qraba u dawk kollha li jmissu magħhom.


L-għeluq tal-iskejjel m’huwiex estenzjoni tal-btajjel tal-Għid. Ikun tajjeb li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Il-ġenituri huma mħeġġa biex dan il-perjodu jgħaddu ħin mat-tfal u filwaqt li jispejagawlhom x’qed jiġri, imma jieħdu ħsieb li jqattgħu ħin magħhom jaqraw, jagħmlu reviżjoni tas-suġġetti tal-iskola, jaraw il-komunikazzjoni tal-edukaturi magħhom b’informazjoni li qed jibgħatu, anki ta’ materjal skolastiku.


Filwaqt li l-edukaturi jinsabu fid-djar ikomplu wkoll bil-ħidma tagħhom, hemm oħrajn li qed ikomplu x-xogħol amministrattiv – li jrid ikompli għaddej anki f’dawn iċ-ċirkostanzi. Hemm dawk li jieħdu ħsieb l-indafa tal-iskejjel u dawk li jieħdu ħsieb il-manutensjoni tal-iskejjel li qed jieħdu l-okkażjoni ta’ skejjel battala u ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom fuq il-lant tax-xogħol. Dawn insellmilhom u nirringrazzjahom minn qalbi.


Fil-Ministeru wkoll għaddejjin bix-xogħol amministrattiv tagħna. Dawn m’humiex btajjel, imma irridu nkomplu naħdmu anki f’dawn iċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom.

Hemm min jiltaqa’ ma’ problemi jew jiġuħ mistoqsijiet. Għalhekk ħadna ħsieb ukoll li waqqafna helpline u għalhekk, għal assistenza relatata mal-qasam tal-edukazzjoni, wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħna fuq 2598 1000.


Inkomplu naħdmu għall-ġid ta’ uliedna - l-akbar prijorità li jista’ jkollna dejjem u mhux biss f’dan il-mument.


+++


Xtaqt ninnota wkoll riżultati li kienu ppubblikati dan l-aħħar, fost il-ħafna statistika pożittiva li qed tiġi ppublikata fis-seturi tal-edukazzjoni u x-xogħol.


Il-Eurostat għadha kemm ikkonfermat li, fl-aħħar kwart tal-2019, pajjiżna kellu l-akbar tkabbir fl-impjiegi u t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.


Skont il-Eurostat, fiż-żona ewro kien hemm żieda fl-impjiegi ta’ 1.1%, jiġifieri kważi l-istess bħaż-żieda fil-ġid nazzjonali, iżda f’Malta l-impjiegi żdiedu b’5.3%, ferm aktar miż-żieda fil-ġid nazzjonali. Dan juri kemm it-tkabbir ekonomiku huwa mifrux u qed jibbenefikaw minnu aktar familji.


L-impjiegi żdiedu l-aktar f’Malta minn fost il-pajjiżi taż-żona ewro. It-tieni l-akbar żieda kienet fl-Irlanda, b’żieda anqas minn żewġ terzi ta’ dik f’pajjiżna.


Meta wieħed iħares lejn is-sena 2019 kollha kemm hi, pajjiżna kellu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi taż-żona ewro, filwaqt li kellu l-akbar żieda fl-impjiegi. Fil-fatt, it-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ħames darbiet aktar mir-rata medja Ewropea.

Anki fejn jidħlu n-nisa u d-dinja tax-xogħol.


Fuq medda ta’ disa’ snin, bejn is-sena 2010 u s-sena 2019, l-ammont ta’ nisa jaħdmu żdied bi 52%, u sal-2019 kien hemm b’kollox 107,123 mara fid-dinja tax-xogħol. Dawn, min-naħa tagħhom, ikkontribwixxew għal 43% taż-żieda totali fl-impjiegi waqt il-perjodu ta’ bejn Lulju 2018 u Lulju 2019.


Huwa grazzi għal skemi bħaċ-childcare b’xejn, il-garanzija taż-żgħażagħ, li hi skema tal-Unjoni Ewropea dwar żgħażagħ fix-xogħol, il-work programme, li hi skema li tassisti persuni li jkunu ilhom qegħda biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, u skemi ta’ taħriġ, fost oħrajn li rajna żieda fis-suq tax-xogħol u d-dħul mill-ġdid tan-nisa fl-impjieg. Bħala govern, aħna nħarsu li noħolqu iżjed opportunitajiet u possibilitajiet ta’ xogħol għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna.


Apparti l-kundizzjonijiet tajbin li ġabet magħha l-ekonomija, inizjattivi tal-Making Work Pay, li kienu introdotti fl-2014 u għadhom għaddejja sal-ġurnata tal-lum, kellhom impatt pożittiv biex jattiraw lin-nisa fid-dinja tax-xogħol, minħabba li hi mmirata bħala għajnuna għal dawk il-persuni li jibbenifikaw minn assistenza soċjali biex isibu impjieg.


Fejn jidhol is-suq tax-xogħol, matul l-2019 bqajna naraw kontinwazzjoni fix-xejriet tal-aħħar snin, li jinkludu żieda fil-livell ta’ nies impjegati u tnaqqis drastiku fil-qagħad. F’Lulju tal-2019, kien hemm żieda ta’ 5% fl-ammont ta’ nies jaħdmu meta ikkumparat ma’ Lulju tas-sena ta’ qabel, u l-impiegi fis-settur privat żdiedu għal 171,209, jew żieda ta’  6.5% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-ammont totali ta’ nies jaħdmu (full time u part time) kien ta’ 257,401 fl-2019.

Dan huwa s-sodisfazzjon li nieħu meta nara li dak li qed nimplimentaw, il-miżuri u skemi qed jagħtu l-frott tagħhom għall-ġid tagħna lkoll.


Comments


bottom of page