top of page

Issa lezzjonijiet online b’xejn ukoll għall-edukaturi u l-ġenituri



Wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ra li, bi qbil mal-istakeholders ewlenin, jissokta t-tagħlim bil-metodi online kemm fl-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi u kif ukoll fejn jidħlu lezzjonijiet għall-adulti, illum tħabbar li se jiġu offruti lezzjonijiet online b’xejn lill-edukaturi u lill-ġenituri biex dawn jiksbu iktar ħiliet fil-kamp edukattiv.

L-għoti ta’ lezzjonijiet qosra online b’xejn lill-edukaturi u lill-ġenituri huwa l-pass li jmiss fil-ħidma tal-Gvern sabiex f’dan il-perjodu partikolari ndawru sfida f'opportunità għal iktar tagħlim utli għal kulħadd.

Dawn il-lezzjonijiet se jingħataw mill-Istitut għall-Edukazzjoni u se jinqasmu f’żewg gruppi - grupp ta’ lezzjonijiet qosra online għall-edukaturi u grupp ieħor ta’ lezzjonijiet oħra għall-ġenituri.

Il-lezzjonijiet għall-edukaturi se jservu biex dawn l-edukaturi jkomplu jtejbu l-kompetenzi tagħhom filwaqt li javvanzaw fil-karriera tagħhom bħala parti mill-Accelerated Progression Scheme. F'dawn il–lezzjonijiet, l-edukaturi jistgħu jitkellmu mal-lettur u bejniethom, jiddiskutu, jistaqsu u jagħmlu sessjoni daqs li kieku qegħdin fil-klassi flimkien. B’kull taħriġ li jagħmlu, l-edukaturi jakkumulaw is-sigħat ta’ tagħlim sakemm jgħaqdu 360 siegħa u b’hekk ikunu jistgħu jipprogressaw għall-iskala li jmiss wara sitt snin flok wara tmien snin. B’kollox se jiġu offruti 17-il lezzjoni sinkronizzata bejn April u Ġunju għal dan il-għan u jkopru l-oqsma tal-inklużjoni, kif nistgħu naħdmu mal-ġenituri, komunikazzjoni interkulturali, kif niżviluppaw lit-tfal biex isiru kapaċi jitgħallmu b’mod indipendenti u jkunu responsabbli tat-tagħlim tagħhom u kif niffaċilitaw it-tagħlim għal min qiegħed fuq l-autism spectrum. F’inqas minn ġimgħa applikaw 178 edukatur għal dawn is-sessjonijiet.

It-tieni sett ta’ lezzjonijiet li l-Istitut għall-Edukazzjoni nieda huma mmirati għal ġenituri li jixtiequ jgħinu lil uliedhom fit-tagħlim li qed isir bħalissa. Dawn il-lezzjonijiet, li jammontaw għal 41 bejn April u Ġunju, qed jiġu offruti wara talba ġenerali li saret lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol minn diversi ġenituri li xtaqu li jkollhom l-opportunità li jitgħallmu dwar kif jistgħu jgħinu lil uliedhom aħjar. S’issa diġà applikaw 479 ġenitur għal dawn is-sessjonijiet. Is-suġġetti li se jiġu koperti f’dawn il-lezzjonijiet huma dwar kif tista’ tgħin lit-tfal bl-awtiżmu fid-dar, kif tħajjar lit-tfal jaqraw u jiktbu, kif tgħin lit-tfal li b’diffikultajiet ta' tagħlim, kif ittejjeb il-ħiliet matematiċi tat-tfal, kif nikkollaboraw mal-iskejjel u kif ittejjeb l-ortografija tal-Malti.

Kull min hu interessat li japplika għal xi wieħed mil-lezzjonijiet jista’ jagħmel dan fuq https://bit.ly/2Ve5km6 għal-lezzjonijiet tal-ġenituri u fuq  https://bit.ly/34pA0oD għal-lezzjonijiet tal-edukaturi. Il-korsijiet se jibdew f’April u jibqgħu għaddejjin sa Ġunju. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici sostna li dawn is-sessjonijiet huma opportunità sabiħa għall-edukaturi u l-ġenituri.  Huwa rringrazzja lis-Segretarju Permenti Frank Fabri u lill-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima tal-ħidma eċċellenti li wettqu sabiex setgħu jiġu offruti dawn l-opportunitajiet sbieħ.

L-Istitut għall-Edukazzjoni ġie mwaqqaf fl-2015 bl-għan li joffri korsijiet għal dawk l-għalliema supply li jkunu jixtiequ jsiru għalliema regolari, persuni li għandhom karrieri oħra u jixtiequ jsiru għalliema u studenti li lestew il-Livell 4 tal-MQF u jridu jaħdmu filgħodu u jagħmlu l-kors part-time. L-Istitut jipprovdi wkoll 65 korsijiet qosra akkreditati oħra li ukoll iservu għal żvilupp professjonali u huma wkoll parti mill-Accelerated Progression Scheme.

Bħalissa l-Istitut għall-Edukazzjoni għandu 1568 parteċipanti fil-korsijiet kollha.



Comments


bottom of page