top of page

It-Teatru Manoel iniedi l-ewwel produzzjoni in-house - Sweeney Todd:The Demon Barber of Fleet Street



It-Teatru Manoel nieda uffiċjalment il-produzzjoni li jmiss li ġġib l-isem ta’ Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street.


Il-ftuħ tas-separju ta’ din il-produzzjoni fit-Teatru Manoel se jkun fis-17 ta’ Lulju li ġej. Dan se jkun l-ewwel produzzjoni mużikali in-house ta’ dan it-teatru. Sweeney Todd huwa xogħol mill-pinna tal-kompożitur ċelebri Stephen Sondheim, li miet is-sena li għaddiet, u kiseb suċċess internazzjonali kif ukoll diversi premjijiet.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici aċċenna għall-importanza ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip, għaliex ipoġġu fuq quddiem it-teatru fil-qalba tal-ekosistema kreattiva ta’ pajjiżna. “Permezz ta’ produzzjonijiet in-house se nkompli inrawwmu aktar imħabba lejn it-teatru,” qal il-Ministru Bonnici.


Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit fid-diskors tiegħu qal “It-teatru għandu storja twila ta’ produzzjonijiet, u aħna kburin li qed nospitaw l-ewwel produzzjoni tagħna in-house. Il-produzzjoni hija magħmula minn atturi u tim ta’ produzzjoni lokali, li jinkludi kostumi u set mibni mit-tim tat-Teatru Manoel, inkluż il-famuż ‘barber’s chair’.”

Din il-produzzjoni ser tara uħud mill-aqwa artisti tat-teatru mużikali ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri, b’direzzjoni mużikali ta’ Ryan Paul Abela. Roger Tirazona se jinterpreta il-parti prinċipali ta’ Sweeney Todd, flimkien ma’ Kateriana Fenech bħala Mrs Lovett, bis-sehem ta’ aktar atturi fosthom Stephen Oliver, Jasmine Farrugia, Ryan Grech, Gianluca Cilia, Noel Zarb, Stefania Grech Vella u Karl Bartolo.


Sweeney Todd: The Demon Barber of Fleet Street se tittella’ fis-17, 18, 19, 20, 21, u 22 ta’ Lulju 2022 fit-8 pm, fit-23 ta’ Lulju fit-3 pm u fit-8 pm, u fl-24 ta’ Lulju fit-3 pm u fit-8. pm, għall-membri tal-udjenza minn tnax-il sena 'l fuq. Biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil bookings@teatrumanoel.mt jew bit-telefon fuq (+356) 21246389. Wieħed jista’ jixtri l-biljetti online fuq www.teatrumanoel.mt



コメント


bottom of page