top of page

IT-TEATRU MANOEL JORGANIZZA AVVENIMENT TA’ TISLIMA U AWGURI LID-DIRETTUR ARTISTIKU


Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 12 ta’ Jannar 2023 ) paġna numru 15.



Din l-okkażjoni ċċelebrat is-suċċessi ta’ Kenneth Zammit Tabona u l-“legat indelibbli” tiegħu bħala d-Direttur Artistiku tal-Manoel


Bosta kollegi, ħbieb u qraba ta’ Kenneth Zammit Tabona nġabru fit-Teatru Manoel fid-9 ta’ Jannar biex isellmulu u jawgurawlu fi tmiem il-kariga tiegħu bħala Direttur Artistiku.


Filwaqt li organizza dan l-avveniment biex uffiċjalment jirringrazzja lis-Sur Zammit Tabona tas-snin ta’ servizz tiegħu, it-Teatru Manoel laqa’ wkoll lill-kollegi l-ġodda tiegħu f’Festivals Malta, flimkien mal-Onorevoli Dott. Owen Bonnici, Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru s-Sa Joyce Dimech.


“Isem Kenneth Zammit Tabona ilu sinonimu mat-Teatru Manoel għal diversi deċennji,” qal iċ-Chairman tat-Teatru Manoel, Dott. Michael Grech, waqt l-avveniment. “L-assoċjazzjoni tiegħu mat-teatru bdiet meta kien il-kritiku tal-mużika ta’ The Times. Wara serva fuq il-Kumitat tal-Management tat-Teatru Manoel għal bosta snin, bħala Segretarju, Membru u Deputat Chairman, u f’dawn l-aħħar snin, bħala Direttur Artistiku. Ħalla warajh legat indelibbli, li għalih it-teatru huwa ferm rikonoxxenti. Nagħtuh l-isbaħ xewqat huwa u jgħaddi għar-rwol il-ġdid tiegħu fi ħdan Festivals Malta.”



Qabel il-ħatra tiegħu bħala Direttur Artistiku f’Jannar 2013, huwa ħadem bħala kritiku tal-mużika, tgħallem kif jipproduċi l-opra mingħand il-mentor u d-direttur kollega tiegħu l-Kav. Alfredo Spiteri Mallia, u rrappreżenta lit-teatru waqt laqgħa ta’ PERSPECTIV – l-Assoċjazzjoni tat-Teatri Storiċi Ewropej, f’Litomyšl, ir-Repubblika Ċeka. Fl-2012, huwa sar ukoll il-Fundatur u d-Direttur Artistiku tal-Valletta Baroque Festival u tal-Valletta Baroque Ensemble, li ssuktaw bis-suċċessi sal-lum – megħjuna bl-istrumenti barokki miksuba għat-teatru mis-Sur Zammit Tabona – u li poġġew lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-Barokk.


Dott. Owen Bonnici qal li “Kenneth Zammit Tabona, artist viżiv magħruf fil-kapaċità personali tiegħu, għandu rabta twila u varjata mal-Manoel sa mis-Sebgħinijiet.


“Se nkomplu nibnu fuq is-suċċess ta’ Kenneth Zammit Tabona, sena wara sena. Verament napprezzaw ix-xogħol iebes u l-isforzi tiegħek, u nirringrazzjawk tal-bosta snin ta’ ħidma eżemplari li wettaqt fit-teatru,” ikkonkluda Dott. Bonnici.


Matul il-kariga tas-Sur Zammit Tabona bħala Direttur Artistiku, huwa ta bidu għal diversi avvenimenti fit-teatru li servew ta eżempju għal oħrajn li ġew wara, b’mod speċjali l-produzzjoni interna ta’ “The Crucible” ta’ Arthur Miller fl-2018. Sadanittant, it-Teatru Manoel offra lill-patruni tiegħu produzzjonijiet ta’ kwalità għolja u appoġġ lill-artisti, b’masterclasses minn kantanti bħal Mariella Devia u atturi fosthom Eugene Simon.


Kenneth Zammit Tabona ngħaqad ma’ Festivals Malta fl-2021 u issa jservi bħala Direttur Artistiku tal-Festivals tal-Barokk u tal-Opra tal-Barokk, li tifforma parti mill-Festival tat-Tliet Palazzi.


Waqt id-diskors tiegħu fl-okkażjoni, is-Sur Zammit Tabona qal, “bħala eks president tal-Assoċjazzjoni tat-Teatri Storiċi Ewropej u bħala persuna li ilha marbuta mal-Manoel għal daqstant deċenji, ma nistax ma nagħtix parir lill-management preżenti biex jittratta lil dan il-bini storiku bir-rispett li jistħoqqlu. Huwa wieħed mill-eqdem teatri li għadhom jintużaw fid-dinja, u għaldaqstant jerfa’ piż li definittivament ikedd l-ispallejn venerabbli tiegħu. Nittama li s-suċċessur tiegħi, ikun min ikun, jifhem kompletament u jagħraf jimxi ggwidat minn dan il-fatt, kif dejjem kont nagħmel jien.”


Aktar informazzjoni dwar it-Teatru Manoel tinstab fuq www.teatrumanoel.com.mt.






Comments


bottom of page