Ħadtha ħażin għaliex il-Professur Friggieri huwa dawk mill-persuni li f’moħħi bħallikieku m'huma se jintemmu qatt, li se jibqgħu b'ħarsthom tixgħel ma' kull fanal tat-toroq twal u mserrpin tal-Istorja ta' pajjiżna.
Lil Oliver Friggieri nafu fid-diversi funzjonijiet tiegħi. L-ewwel li sirt nafu meta ta' zagħzugħ kont inħobb ħafna s-settur tal-kultura u l-arti. Niftakar li flimkien ma' ħaddieħor kont ħloqt Klabb Letterarju fil-Junior College u konna niltaqgħu u niddiskutu u kultant inġibu xi guest speaker ukoll. F'dawn iż-żminijiet kont sirt naf lill-Prof Friggieri u laqatni bħala persuna umlija ħafna li titratta lill-persuna li għandha quddiemha bħala l-iktar persuna importanti f'dak il-mument. Għaddew ħafna snin issa minn dawk il-laqgħat li kien ikollna, iżda għal xi raġuni niftakar ċar u tond jgħidli bi ftaħir li hu mill-Furjana. U vera kien kburi li Furjaniż. U l-Furjaniżi, s'intendi, kburin bih.
Wara li spiċċajt l-istudji tiegħi dħalt b'ruħi u ġismi fil-professjoni legali biex nibni uffiċċju u hekk għamilt. Biex għamilt hekk issaggrifikajt in-namur li kelli mal-kultura u l-arti u kont għazilt li nkompli nterraq fil-professjoni ta' avukat u fil-politika. Għalhekk l-inkontri tiegħi ma' Oliver Friggieri naqsu ħafna, għad li kultant konna niltaqgħu f'xi okkażjoni.
Meta mbagħad fl-2014 inħtart mill-Prim Ministru Joseph Muscat bħala l-persuna responsabbli mill-kultura u l-arti apparti ħafna affarijiet oħra – hemmhekk erġajt bdejt naħdem ma' Oliver Friggieri mill-qrib għad li l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, li fiha l-Prof Friggieri kellu rwol attiv, kienet għadha taħt ir-remit tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ġurnata minnhom is-Segretarju Permanenti li kelli dak iż-żmien, Johan Galea, qalli "isma' Ministru, l-Fondazzjoni Ċelebrazzonijiet Nazzjonali irċevejt struzzjonijet li minn għada se tifforma parti mir-remit tagħna b'mod sħiħ." U għalhekk assumejt ukoll l-Fondazzjoni bil-membri kollha tagħha diġa' appuntati u lesti.
Naturalment kelli pjaċir kbir nilqa' formalment lil Prof Friggieri u din l-entità bħala parti formali tal-Ministeru. U konna niltaqgħu diversi drabi, u kien ikolli taħditiet sbieħ ħafna mal-Professur Friggieri. Kien jolqotni għaliex kien isemmi diversi drabi lil Mintoff u Borg Olivier. Kont ngħid, imma għala dejjem isemmi lil Mintoff u Borg Olivier? Jista' jkun nostalġija tal-imgħoddi? Kif jista' jkun?
Wara li kellimtu diversi drabi intbaħt li kien isemmiehom ħafna għaliex kien ispirat mis-sens ta' ħidma flimkien li kien ikollhom u li nifhem li fl-aħħar ġenerazzjoni kien jaraha nieqsa mill-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin. Kont nogħxa nisimgħu u nixrob kull kelma li jgħidli, dwar l-esperjenzi tiegħu kemm ma' Mintoff u kemm ma' Borg Olivier. Il-kliem tiegħu kien qisu xmara ta' ideat, waħda torbot mal-oħra u għad li kien jitkellem bil-mod u bil-prudenza kollha kellu konvinzjoni tal-azzar u dak li kien jgħid, kien jemmen fih.
Hu kien dejjem jitkellem dwar il-bżonn li naħdmu flimkien, li niġbdu ħabel wieħed għal Malta, li nikkollaboraw kemm jista' jkun. U għalhekk il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali kienet tiċċelebra l-anniversarji Nazzjonali bl-aħjar mod u naħseb li din kienet deċiżjoni tajba ħafna.
Għaddew is-snin u l-ħidma rrankat u ċempilli ġurnata minnhom ħabib għaziz tiegħi – Albert Marshall li kien u għadu jokkupa c-Chairpersonship tal-Kunsill għall-Arti. Kien ċempilli biex javżani li l-premju għall-Arti dik is-sena (2018) kien se jingħata lill-Professur Oliver Friggieri. Konna għadna kif nidejna l-Premju għall-Arti għall-ewwel darba. Legat ieħor milli ħallejna frott ħafna u ħafna ħidma.
Jien fraħt ħafna meta qalli hekk u għidtlu li kienet deċiżjoni mill-iktar għaqlija. U meta tellajna s-serata bl-iktar mod formali u komplet, rajt lill-Professur Friggieri – li bħall-oppost eżatt tal-politiċi jiddejjaq jidher, jiddejjaq ikun taħt il-lenti – kuntent bir-rikonoxximent li ngħata. Mhux għax kellu bżonn, jekk kien nieqes mix-xita ta' rikonoxximenti li kellu. Imma rajtu kuntent.
Meta mbagħad, komplew jgħaddu x-xhur u f'nofs diskors dwar reshuffle u caqlieq fil-Ministeri qaluli li miet Oliver Friggieri jien waqaft u ssummajt. U ftakart fil-kliem li kien ikollna fil-boardroom li kelli fil-leġiżlatura l-oħra. U l-kliem li kien jgħidli. U l-imħabba kbira li kellu Oliver Friggieri għal pajjiżna. U għar-Reliġjon. U għal Malta. U għal Mintoff. U għal Borg Olivier. U għall-fanal li fih kien jara ħarset persuna oħra tixgħel. U għall-Parlament, li għad ma jikbrux fjuri fih, jirrispettah ħafna. U għall-bandiera bajda u ħamra. U għal dak li jagħmilna Maltin bit-tajjeb u bil-ħazin kollu.
Pajjiżna hu pajjiż ukoll għax kellu poeti bħal Oliver Friggieri.
Hekk biss ikun pajjiż.
Commentaires