Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 23 ta` Ottubru, 2022) paġna numru 20.
Aktar kmieni din is-sena, għadha kif ġiet imnedija l-Istrateġija2025 għas-settur kulturali u kreattiv. Din l-istrateġija hija parti mill-ħidma intensiva tal-Kunsill Malti għall-Arti, entità nazzjonali għolja li għandha bħala viżjoni li l-arti u l-kultura jkunu fil-qalba tal-futur tagħna. Hemm bosta fergħat li l-Kunsill Malti għall-Arti jindirizza u jaħdem fuqhom, li huma wkoll parti mil-linji gwida tal-Kunsill.
Fost dawn il-fergħat, insibu l-oqsma strateġiċi tiegħu, li jinkludu l-investiment pubbliku, id-diversità u l-komunitajiet, l-edukazzjoni u l-iżvilupp, l-intraprenditorija kreattiva, ir-riċerka u l-evalwazzjoni, u l-internazzjonalizzazzjoni.
Filwaqt li x-xogħol f’dawn l-oqsma huwa għaddej il-ħin kollu, attwalment għadhom kif ġew imnedija bosta proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-internazzjonalizzazzjoni fis-settur kulturali u kreattiv, hekk kif il-Kunsill għandu l-għan li jkompli dejjem ikabbar il-profil tal-artisti u l-kreattivi lokali.
“L-internazzjonalizzazzjoni hija pilastru ewlieni għax-xogħol li jagħmel il-Kunsill Malti għall-Arti. Ix-xogħol tal-artisti u l-kreattivi tagħna huwa versatili hekk kif inhu muri fi proġetti ta’ skala internazzjonali. F’dawn l-aħħar s-snin rajna li ma nibqgħux insulari, u proġetti bħal dawn u aktar huma turija ta’ dan.” Dan qalu Albert Marshall, Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Reċentement, il-KMA għadu kif ħabbar il-proġett li bih Malta se tkun qiegħda tipparteċipa fil-London Design Biennale għall-ewwel darba. Bl-isem Urban Fabric, dan il-proġett huwa installazzjoni fuq skala kbira bbażata fuq riċerka kuntestwali u apprezzament b’għeruq fondi tal-bżonn għal disinn sostenibbli, u huwa maħluq permezz ta’ fużjoni ta’ arti, arkitettura u disinn innovattiv. Dan il-proġett se jittella’ għar-raba’ edizzjoni tal-London Design Biennale, f’Ġunju 2023.
Il-proġett jirrikontestwalizza l-qalba tar-raħal Malti tradizzjonali u jgħaqqad żewġ elementi separati – l-ippjanar tal-belt tradizzjonali u t-tradizzjoni Feniċi-Maltija tal-produzzjoni tat-tessut u ż-żebgħa tiegħu. Din l-installazzjoni hija skont l-etos tar-riċiklar u l-kuxjenza ekoloġika tal-artisti u tuża bħala s-sors tagħha, dokumentazzjoni materjali dwar kif il-Feniċi kienu jiżbgħu l-ħwejjeġ tas-suf u l-għażel tagħhom billi jużaw (l-aktar) żewġ tipi ta’ speċi ta’ bebbux tal-baħar li huma komuni max-xtut Mediterranji – il-Murex trunculus u l-Murex brandaris. Din l-installazzjoni hija bbażata fuq metodi ekoloġiċi bħala alternattiva għal prattiċi qodma. Din ir-riċerka saret fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, fejn it-tim ittraċċa mill-ġdid il-passi tal-Feniċi, esperjenza t-tessut fin u l-artefatti ta’ dak iż-żmien u uża din l-esperjenza bħala l-pedament tal-installazzjoni. Open Square, huwa t-tim ta’ wara dan il-proġett, li jikkonsisti minn Luke Azzopardi, Trevor Borg, Matthew Joseph Casha u Alessia Deguara, bl-għajnuna ta’ Ramona Depares u Gilbert Micallef. Mary Ann Cauchi, Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti qalet: “Dan kollu jifforma parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija2025, u għandu x’jaqsam mal-prinċipji gwida tal-KMA, fejn irridu nrawmu s-sinerġiji minn setturi differenti fuq livelli internazzjonali, u nibnu u nsaħħu sħab, kollaborazzjonijiet u netwerks internazzjonali biex inżidu l-opportunitajiet għall-artisti u prattikanti, lil hinn minn xtutna.”
Apparti l-London Design Biennale, il-Kunsill Malti għall-Arti jikkummissjona wkoll il-proġett li jittella’ għall-Biennale di Venezia, li għaddej bħalissa, b’din l-edizzjoni – li hi l-59 edizzjoni tiegħu - tagħlaq fis-27 ta’ Novembru 2022. Din hija t-tielet edizzjoni konsekuttiva li bħala pajjiż qegħdin nipparteċipaw fiha, fejn il-Padiljun Malti għandu l-proġett Diplomazija Astuta kkurata minn Keith Sciberras u Jeffrey Uslip, bis-sehem tal-artisti Arcangelo Sassolino u Giuseppe Schembri Bonaci, kif ukoll il-kompożitur Brian Schembri.
Imnebbħa mill-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio, din l-installazzjoni immersiva twasslilna narrattiva biblika fil-preżent, b’tali mod li tqanqal lill-udjenza biex taqsam minn spazju fejn it-traġedja u l-brutalità tal-eżekuzzjoni ta’ San Ġwann tiġi esperjenzata fil-preżent, l-inġustizzji tal-passat jiġu rikonċiljati, u l-prinċipji umanisti komuni kkonfermati għall-futur. Din l-installazzjoni tqattar xita tal-azzar imdewweb li taqa’ minn struttura mdendla għal ġo seba’ vaski mimlija bl-ilma, li kull waħda minnha tirrappreżenta suġġett fil-pittura li nebbħet il-proġett. Hekk kif l-azzar imdewweb imiss mal-ilma dawn jiffurmaw fi blalen żgħar. Ix-xita għandha wkoll ir-ritmu tagħha, b’silta perkussiva maħluqa apposta, ibbażata fuq kant Gregorjan, filwaqt li l-inċiżjonijiet ta’ Giuseppe Schembri Bonaci fl-installazz-joni nnifisha li tinsab proprju fid-daħla qabel il-vaski, tipproponi ingwent formidabbli li jintegra għarfien lil hinn u fil-limiti tal-fehim tagħna.
Biex ikompli jsaħħaħ is-sinerġija kollaborattiva tiegħu fuq livell internazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti għandu wkoll l-għan li jiżviluppa bażi t’għarfien komprensiva fl-evalwazzjoni tal-infrastruttura kulturali u r-riċerka transsettorjali. Għal dan il-għan, il-KMA jifforma parti mill-Kompendju tal-Politiki u Xejriet Kulturali, database online li fiha hemm profili, statistiċi u riżorsi ta’ pajjiżi. L-aspett lokali tal-Kompendju huwa mmaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti, fejn il-profil tagħna jiġi aġġornat b’mod kostanti għal fini ta’ riċerka. Dan għaliex il-Kunsill għandu wkoll l-għan li jagħmel riċerka fis-settur, għalhekk huwa l-għażla naturali biex jieħu ħsieb biċċa xogħol bħal din.
“Dan in-netwerk ta’ riċerkaturi fil-politika kulturali u d-database li jiddokumenta dak li qed jiġri f’pajjiżi differenti fejn tidħol politika kulturali qegħdin jgħinu sabiex ikun hemm skambju ta’ għarfien u data u qiegħed jgħinna nkomplu nimplimentaw l-azzjonijiet tal-Istrateġija2025 fejn qegħdin insaħħu r-riċerka fis-settur anki fuq livell internazzjonali.” Dan qalu Adrian Debattista, Kap għall-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Bħala parti mill-ħidma ta’ netwerks u pjattaformi internazzjonali biex inżidu r-rappreżentanza globali tagħna f’netwerks internazzjonali permezz ta’ entitajiet rappreżentattivi, il-Kunsill Malti għall-Arti kien strument importanti biex titwaqqaf il-EUNIC Malta cluster. L-Istituti Nazzjonali tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea (EUNIC) huma n-netwerk Ewropea ta’ organizzazzjonijiet involuti f’relazzjonijiet kulturali. Flimkien mal-imsieħba, dan in-netwerk jagħti ħajja lill-kollaborazzjoni kulturali Ewropea f’aktar minn 100 pajjiż fid-dinja, b’netwerk ta’ 136 cluster.
F’Ottubru 2022 fi Spazju Kreattiv, il-Malta Cluster tellgħet festival tal-films imsejjaħ il-“European National Institutes of Culture (EUNIC) 2022.” Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ, ta l-appoġġ tiegħu bil-parteċipazzjoni ta’ seba’ films qosra fil-EUNIC Film Festival, bit-tema tas-sostenibbiltà, films li kollha ġew prodotti minn żgħażagħ Maltin, hekk kif is-sena 2022 hija wkoll is-Sena Ewropea għaż-Żgħażagħ.
Dan il-festival ra s-sehem ukoll tal-ambaxxati tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Polonja, ta’ Spanja, tar-Renju Unit u tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll l-Alliance Française de Malte-Méditerranée, u r-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
“Meta artisti jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra u jaħdmu fuq proġetti kulturali ma’ artisti internazzjonali oħra b’mod kollaborattiv, huma jiġu esposti għal skambju ta’ ideat, tradizzjonijiet, sfondi kulturali u emozzjonijiet, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal futur aktar magħqud u diversifikat.” Qalet dan Romina Delia, Eżekuttiv għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Bħala avvenimenti oħra internazzjonali tal-EUNIC li l-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jipparteċipa fihom hemm ukoll żewġ festivals letterarji fuq livell internazzjonali, fejn Rachelle Deguara se tkun qiegħda tipparteċipa f’Poetry Slam, organizzat mid-Delegazzjoni tal-UE fi Strasburgu, bi sħab ma’ EUNIC u l-Kunsill tal-Ewropa, ukoll bħala parti mill-qafas tas-Sena Ewropea għaż-Żgħażagħ u tal-Forum Dinji fuq id-Demokrazija, fejn inħeġġu ż-żgħażagħ jaħsbu fuq id-demokrazija Ewropea.
Huwa l-għan tagħna bħala KMA, kif ukoll bħala membri tal-EUNIC, li nintroduċu artisti u poeti żgħażagħ lil udjenzi ġodda. F’din il-ħarifa wkoll, Adrian Grima se jkun qiegħed jipparteċipa f’lejla letterarja organizzata mill-EUNIC Vienna Cluster, fejn se jkun qiegħed jaqra l-poeżiji tiegħu ma’ poeti oħra minn madwar l-Unjoni Ewropea.
Bil-ħidma sfiqa tiegħu, il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed b’mod kostanti jindirizza u jimplimenta l-viżjoni tiegħu għall-internazzjonalizzazzjoni fis-settur. Permezz ta’ inizjattivi ta’ din ix-xorta, u aktar, qegħdin noħolqu relazzjonijiet kulturali internazzjonali aktar b’saħħithom, biex inkomplu naħsbu fit-tul għall-iżvilupp tas-settur, b’mod li nimirħu f’opportunitajiet internazzjonali ġodda bi frott ta’ kollaborazzjonijiet, sħubiji u skambji.
‘‘
Imnebbħa mill-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio, din l-installazzjoni immersiva twasslilna narrattiva biblika fil-preżent, b’tali mod li tqanqal lill-udjenza biex taqsam minn spazju fejn it-traġedja u l-brutalità tal-eżekuzzjoni ta’ San Ġwann tiġi esperjenzata fil-preżent, l-inġustizzji tal-passat jiġu rikonċiljati, u l-prinċipji umanisti komuni kkonfermati għall-futur
Comments