top of page

Ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-galleriji tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja

Ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-galleriji tal-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta miexi ġmielu




Investiment ta’ €13-il miljun bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej f’din il-fażi tal-proġett


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq is-sit tal-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) fil-Floriana.


Il-fażi preżenti ta’ xogħol infrastrutturali li għaddej fuq il-binja tal-galleriji huwa mifrux fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru fuq erba’ livelli, u jagħqad il-binja eżistenti storika tar-Ritirata mal-istruttura tal-ħadid moderna. B’ investiment ta’ €13-il miljun, ko-finanzjat mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEZR), dawn il-galleriji se joffru spazji moderni għall-esebizzjonijiet u installazzjonijiet t’artisti kontemporanji lokali u barranin, għall-workshops u attivitajiet oħra li jressqu lill-pubbliku iżjed viċin l-arti kontemporanja.


Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici aċċenna fuq l-importanza li l-arti kontemporanja tkun aċċessibbli għal kulħadd. Huwa sostna li dan il-proġett mhux biss se jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-artisti u s-segwaċi ta’ dan il-ġeneru tal-arti, iżda fuq kollox qed jirriġenera żona imdaqqsa mill-Furjana, li qabel kienet kompletament mitluqa.


“Għalhekk MICAS, bħala pjattaforma għall-arti kontemporanja huwa proġett li fit-totalità tiegħu ser jiddemokratizza ’l fuq minn 12-il tomna ta’ spazji miftuħa, binjiet storiċi u veduti li kienu inaċċessibli għal snin sħaħ,” qal Dr Bonnici.


Huwa temm jgħid li huwa mistenni li din is-sena jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-galleriji u sussegwentement jitlestew il-ġnien tal-iskulturi u l-binja li ser tospita l-uffiċini amministrattivi tal-entità.


Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li t-tielet fażi tal-proġett tal-MICAS qed isir b’investiment ta’ kważi €13-il miljun, li minnha €7.6 miljun huma fondi ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.


Dr Bonett qal li b’dan l-investiment se jkollna l-ewwel spazju nazzjonali ddedikat esklussivament għall-arti kontemporanja u se jservi mhux biss bħala pjattaforma għall-wiri ta’ arti kontemporanja u kultura viżiva ta’ klassi dinjija permezz ta’ wirjiet u installazzjonijiet, iżda se tkun qed tospita firxa ta’ attivitajiet kulturali u avvenimenti edukattivi.








Comentários


bottom of page